-
Għada, it‑Tnejn 19 ta’ Diċembru 2016, l‑Awtorità għall‑Ambjent u r‑Riżorsi mistennija tieħu deċiżjoni dwar l‑applikazzjoni għall‑Integrated Pollution Prevention and Control (IPPC) għat‑“tiġdid u tibdil tal‑permess tal‑IPPC biex jinkludu l‑operat ta’ Delimara 1, Delimara 2a u 2b, Delimara 3 (il‑konverżjoni minn HFO għal gas naturali), Delimara 4 CGGT u t‑terminal tal‑LNG”.
B’dispjaċir, il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tinnota li għal darb’oħra kwistjoni ta’ importanza nazzjonali, f’dan il‑każ il‑ġenerazzjoni tal‑enerġija, qed tintuża bħala ballun politiku. Kull darba li jiġri hekk, id‑diskussjoni fuq il‑kwistjoni tkun ikkontaminata min interessi partiġġani fejn kull kumment ikun validat mhux skont is‑saħħa tar‑raġuni imma minn kemm jirrifletti l‑aġenda ta’ partit. Il‑KA tħoss li, għall‑ġid tal‑poplu Malti, il‑fatti għandhom jingħadu b’mod ċar mingħajr la ħabi u lanqas esaġerazzjoni bla bżonn.
Il‑KA tħoss li minkejja l‑pressjoni biex jinħareġ il‑permess tal‑IPPC sabiex id‑deadline il‑ġdid tal‑bidu tal‑operazzjonijiet tal‑power station il‑ġdida ikun jista’ jiġi rispettat, il‑membri tal‑Bord tal‑ERA għandhom iħossuhom fil‑libertà u jaġixxu b’kuxjenza biex jindirizzaw u jirrispondu b’mod seren wara li jkunu flew bir‑reqqa l‑argumenti kollha li għandhom quddiemhom. Jekk il‑membri tal‑ERA għad għandhom dubji dwar l‑applikazzjoni, allura dawn id‑dubji għandhom l‑ewwel jiġu risolti qabel ma tittieħed deċiżjoni. L‑ERA għandha r‑responsabbiltà li tħares il‑kwalità tal‑ħajja tan‑nies (speċjalment ta’ dawk li jgħixu fl‑inħawi) u ma tistax tiddelega lill‑applikant tal‑permess ir‑responsabbiltà sħiħa ta’ dak kollu li jista’ jmur żmerċ fil‑futur.
Fl‑aħħarnett, il‑KA tawgura li dak li jiġi deċiż jgħin biex il‑kwalità tal‑ħajja ta’ kulħadd tmur għall‑aħjar, u fuq kollox titkattar l‑għaqda u mhux il‑firda fil‑gżejjer tagħna.