-
Stqarrija mill-Moviment ta’ Kana dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jirregola l-Unjonijiet Ċivili
-
Il-Moviment Kana, li ilu jagħti servizz favur iż-żwieġ u l-familji Maltin, studja l-abbozz ta’ liġi propost mill-Gvern biex jirregola l-unjonijiet ċivili u jemmen illi:
1. Id-dibattitu dwar dan is-suġġett għandu jkun il-ħin kollu ggwidat mill-prinċipju li kull persuna kemm eterosesswali kif ukoll omosesswali jew ta’ xi orjentament sesswali ieħor, għandha tiġi trattata b’rispett u b’dinjità.
2. Fl-Għanijiet u Raġunijiet tal-Abboz hemm imnizzel illi “Il-prinċipju sottostanti tal-liġi dwar l-unjonijiet ċivili huwa li jekwipara l-unjonijiet ċivili u ż-żwieġ mil-lat ta’ proċedura u sustanza”, jiġifieri li, f’għajnejn il-liġi, iż-żwieġ u l-Unjoni Ċivili jitqiesu ekwivalenti. Il-liġi kif proposta, fis-sustanza, tintroduċi id-dritt taż-żwieġ għall-koppji tal-istess sess, b’mod komprensiv, minbarra fl-isem.
Filwaqt li huwa d-dmir ta’ kull leġislatur li jirregola d-drittijiet u l-obbligi bejn persuni f’forom differenti ta’ relazzjonjiet, bħal m’huma il-koabitazzjoni, l-unjoni ċivili u ż-żwieġ, dawna mhumiex l-istess. L-ugwaljanza m’għandhiex tkun pretest biex tiċħad id-diversità u tbiddel id-definizzjoni taż-żwieġ. Liġi li tiddistingwi bejn realtajiet differenti ma tkunx qed tiddiskrimina imma tkun qed tirrispetta id-differenzi, l-aktar fi żmien fejn niċċelebraw il-pluraliżmu u d-diversità.
3. L-Abbozz propost jirreferi wkoll għall-adozzjoni minn koppja tal-istess sess, suġġett illi huwa ta’ natura sensittiva il-għaliex jolqot il-ġid tat- tfal. Il-Moviment Kana jirrileva li ma jeżisti l-ebda dritt fundamentali tal-ġenituri, kemm tal-istess sess kif ukoll ta’ sess differenti, li jwelldu, irabbu jew jaddottaw l-ulied. Huwa dritt fondamentali, però, tal-ulied, li jkollhom familja. L-Istitut tal-Adozzjoni ma nħoloqx biex jiġu ndirizzati x-xewqat ta’ ġenituri adottivi, imma biex jitħarsu l-aħjar interessi tat-tfal u hekk għandu jibqa’.
4. Il-Moviment Kana jappella lill-politiċi biex ikomplu jieħdu miżuri favur it-tisħiħ tal-familja filwaqt li jawgura diskussjoni kostruttiva biex jintlaħaq qbil dwar ir-regolamentazzjoni ta’ forom differenti ta’ relazzjonijiet. Dan għandu jsir skond il-Mandat Elettorali, b’mod ġust u b’rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna, lejn il-ġid tas-soċjetà u lejn il-verità.
5. Il-Moviment Kana ser jibqa’ jipproponi l-familja mibnija madwar żwieġ dejjiemi bejn raġel u mara bħala dik li toffri l-aktar stabbiltà u għalhekk hija fl-aħjar interess tal-ulied u tas-soċjetà.