• Stqarrija tal-Isqfijiet Maltin dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jirregola l-Unjonijiet Ċivili

  • Peress li l-Parlament ta’ pajjiżna ser jibda jiddiskuti l-Abbozz tal-liġi li tirregola l-Unjonijiet Ċivili, konxji mid-dmir tagħna li nwasslu l-Bxara t-Tajba, konvinti li kif jgħid il-Papa Franġisku, il-fidi “mhux biss tagħti qawwa interjuri lil min jemmen; imma ddawwal kull relazzjoni umana għaliex hija frott l-imħabba u tirrifletti l-istess imħabba t’Alla”,[1] aħna l-Isqfijiet nixtiequ noffru din ir-riflessjoni.

    Għalkemm l-Abbozz qed jintroduċi diversi elementi ġodda f’dak li għandu x’jaqsam maż-żwieġ u l-familja, liema elementi jitolbu riflessjoni profonda u mingħajr għaġġla, jidher li novità partikulari ta’ dan l-Abbozz hija r-reġistrazzjoni ta’ sħubija bħala unjoni ċivili bejn żewġ persuni tal-istess sess.

    Qabelxejn tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li permezz ta’ dan l-Abbozz qegħdin niddiskutu dwar persuni u l-ħajja tagħhom. Għalhekk biex din id-diskussjoni tkun matura trid tirrifletti rispett kbir lejn dawn il-persuni. Kif fakkar il-Papa Franġisku, “Alla jakkumpanja lil dawk il-persuni (li għandhom orjentament omosesswali) u aħna għandna nakkumpanjawhom billi nitilqu mis-sitwazzjoni tagħhom”.[2]

    Fuq l-eżempju tal-Papa Franġisku, mhux il-ħsieb tagħna li ntennu “it-tagħlim tal-Knisja” fuq dan is-suġġett li huwa tagħlim “ċar”.[3]  Aħna nħeġġu lil dawk kollha impenjati fil-formazzjoni Nisranija u fil-katekeżi biex jissuktaw jipproponu dak li tgħallem il-Knisja dwar dan is-suġġett.

    Aħna għandna fiduċja li d-Deputati Parlamentari tagħna ser jagħmlu ħilithom biex waqt li jiddiskutu dan l-Abbozz, huma juru rispett kbir lejn il-persuni kollha involuti filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom il-ġid komuni.

    Skont l-Abbozz “l-imsieħba f’unjoni ċivili” ser ikollhom id-dritt li jadottaw. Fil-fehma tagħna dan huwa suġġett delikat ħafna bħal kull ħaġa oħra li tolqot it-tfal u dak li huwa fl-aħjar interess tat-tfal. Peress li dwar dan is-suġġett hemm fehmiet kuntrastanti, fil-fehma tagħna, ikun għaqli jekk il-leġislatur jieħu ż-żmien tiegħu biex f’dan ir-rigward jagħmel għażliet tajbin. It-tfal preferibilment għandhom jirċievu t-trobbija mill-ġenituri tagħhom, raġel u mara.

    Fuq kollox, nappellaw lill-Parlamentari tagħna biex ikomplu jieħdu miżuri li jsaħħu l-familja mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara. Ikkunsidrat li l-familja magħmula f’dik l-għaqda tad-differenzi bejn raġel u mara “tibqa’ l-bennejja primarja u ewlenija tas-soċjetà”,[4] nagħmlu l-qalb lil dawk li huma konvinti minn din il-verità biex jibqgħu jgħożżu u juru stima lejn din l-istituzzjoni naturali.

    + MARIO GRECH
        
    Isqof ta’ Għawdex
        
    President tal-Konferenza Episkopali

    + PAWLU CREMONA O.P.
        Arċisqof ta’ Malta

    + CHARLES J. SCICLUNA
    ​    
    Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta          

    __________________________________

    [1] Papa Franġisku, Ittra Enċiklika Lumen fidei (29 ta’ Ġunju 2013), 50.

    [2] Id., L-intervista ta’ Antonio Spadaro SJ mal-Papa Franġisku, fi La Civiltà Cattolica (19 ta’ Settembru 2013).

    [3] Cf ibidem.

      [4] Cf Id., Message of Pope Francis to participants in the 47th Social Week of Italian Catholics (11 ta’         Settembru 2013).