-
Wieħed jistenna li, fil-kuntest ta’ pajjiż żgħir bħal tagħna, b’densità għolja ta’ popolazzjoni, l-ispazju jitqies bħala riżorsa importanti li tenħtieġ li tkun immaniġġjata b’għaqal u b’rispett ħalli pajjiżna jkun jista’ jiżgura żvilupp sostenibbli li jmantnih għal ħafna snin. Għalhekk immaniġġjar għaqli jitlob li kollox isir f’qafas ta’ strateġiji li jintegraw bżonnijiet diversi u jiżguraw il-ġid komuni. Dan isir sabiex ma jkunux repetuti żbalji li seħħew fil-passat u sabiex proġett partikolari ta’ żvilupp ma jħarbatx l-aspirazzjonijiet ta’ proġetti oħrajn. L-iżvilupp bl-addoċċ tal-kosta li sar matul is-snin, ngħidu aħna, minbarra li qered darba għal dejjem wirt naturali imprezzabbli, fixkel mhux ftit l-iżvilupp tal-istess industrija turistika li suppost kellu jgħin. Għaddew is-snin, u jidher li għadna ma tgħallimniex mill-iżbalji tal-imgħoddi.
Għal darb’oħra, jidher li pajjiżna reġa’ għandu quddiemu attentat ieħor sabiex art li fiha m’għandux iseħħ żvilupp (ODZ), tkun issagrifikata sabiex jinbnew tal-inqas żewġ lukandi u promenade matul medda kbira ta’ art fuq il-kosta tax-Xlokk – jiġifieri minn Żonqor Point sa Smart City! Bħas-soltu reġa’ għandna ħafna wegħdiet li dan il-proġett sa jġib miegħu ġid ekonomiku kbir u impjiegi ġodda. Tajjeb infakkru li, kull meta rebħet ir-raġuni fuq proġetti simili, pajjiżna qatt ma daħal fi kriżi ekonomika meta dawn ma seħħux.
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent diġà wissiet, f’żewġ stqarrijiet li ħarġet taħt żewġ amministrazzjonijiet differenti[1], li jekk min ikun fil-Gvern ikompli jsib l-iskużi sabiex jiġġustifika t-tnaqqir ta’ art li hi ODZ, pajjiżna sa jkompli jsofri ħsara irreparabbli lill-ambjent naturali bir-riperkussjonijiet kollha marbuta mat-tisħiħ soċjali u ekonomiku tiegħu.
Dak li skanta lill-KA kien li waħda mir-raġunijiet li ssemmew biex jiġġustifikaw dan il-proġett hi li din l-art hija mħarbta! Kieku dan l-argument kellu jiġi aċċettat, wieħed jistenna li min għandu verament għal qalbu (u jaf x’jiġifieri) l-iżvilupp sostenibbli tal-lokalità, jipproponi r-restawr ekoloġiku taż-żona li jinkludi r-reabilitazzjoni tal-lukanda Jerma Palace.
Fuq kollox il-KA ma tistax tifhem kif l-unika informazzjoni fuq din il-proposta dehret fuq ġurnal lokali, li mbagħad ixxandret ukoll fuq ġurnali oħra, u dwarha – bir-raġun kollu – kien hemm reazzjonijiet minn għadd ta’ għaqdiet ambjentali.
Quddiem dan kollu, l-KA tħoss li hi r-risponsabbiltà tagħha li tistaqsi:
Liema studju serva bħala bażi sabiex titfassal l-proposta li jsir dan il-proġett f’din il-medda art? Fuq liema kriterji kien deċiż li din il-medda art hi bla valur? Xi stħarriġ soċjali u projezzjonijiet ekonomiċi saru sabiex min qed jagħmel il-proposta seta’ jagħti garanziji li s-sagrifiċċju ta’ din il-medda kbira ta’ art sa jħalli l-ġid imwiegħed? Proġett bħal dan, kif jinkwadra fl-istrateġija proposta tal-użu tal-art f’pajjiżna? Għandna nieħdu r-riskju li nimxu lejn proċess ta’ ppjanar li huwa maqsum fih innifsu, fejn proġetti li jinvolvu meded kbar ta’ art ifaqqsu ad hoc mingħajr l-ebda referenza għal strateġija nazzjonali proprja tal-użu tal-art? Ma jkunx aktar ta’ ġid għal pajjiżna kieku proġetti ta’ dan id-daqs ikunu marbuta ma’ strateġija nazzjonali mfassla b’mod li fi żmien 20 sena oħra (per eżempju) ma nkunux ’il bogħod minn fejn nixtiequ li nkunu f’dak li għandu x’jaqsam l-użu sostenibbli ta’ artna?
Dan il-proġett qiegħed fil-parametri tal-politika nazzjonali tat-turiżmu? Għandu jkun hemm iktar investiment f’lukandi ġodda billi tingħata art pubblika? Proġetti simili jaqblu mal-pjanijiet li qed jissemmew sabiex ikun promoss t-turiżmu rurali taħt strateġija li tippromwovi t-turiżmu sostenibbli? Strateġija bħal din tkun tista’ tipproteġi l-iżvilupp ta’ din l-industrija mill-interessi ta’ min irid jinqeda biss biha.[2]
Il-fatt illi dan il-proġett ma jissemma’ fl-ebda pjan ta’ żvilupp, u li l-Privatisation Unit tidher li għandha sehem importanti f’din il-proposta, jagħti l-impressjoni li l-interessi tal-iżviluppaturi huma iktar importanti minn direzzjoni strateġika għall-użu tal-art fil-pajjiż. Għaldaqstant, il-KA tħeġġeġ bil-qawwa kollha lill-awtoritajiet kompetenti biex jaħsbuha darbtejn qabel japprovaw proġetti bħal dan, u jqisu sewwa l-prezz għoli li lkoll ikollna nħallsu jekk din il-medda art ukoll tispiċċa tissarraf f’gwadann ekonomiku għal numru żgħir ta’ nies minflok għall-ġid komuni.
[1] Kummissjoni Ambjent (2006) Stqarrija: It-tibdil fil-konfini tal-iżvilupp. Arċidjoċesi ta’ Malta.
Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (2013). Reazzjoni tal-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja fuq l-abbozz ta’ policy li tittratta l-iżvilupp li jseħħ barra mill-konfini tal-iżvilupp (“l-ODZ policy”).[2] Ara wkoll: Kummissjoni Ambjent (2006) Opinjoni dwar Turiżmu Sostenibbli. Arċidjoċesi ta’ Malta.