Matul il-vaganzi ta’ Novembru, grupp ta’ studenti tal-5 sena tas-sekondarja mill-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, akkumpanjati minn saċerdoti tal-MSSP għamlu xogħol volontarju għal ħamest ijiem f’Ruma mal-komunitajiet ta’ nies li sfaw bla dar.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-istudenti tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl flimkien ma’ studenti mis-Seminarju Minuri tal-Arċisqof kellhom l-opportunità li jgħixu l-messaġġ tal-Vanġelu, “bħalma għamiltu intom mal-inqas fost ħuti, għamiltu miegħi” (Mattew 25:40).
Din l-esperjenza saret f’kollaborazzjoni ma’ Caritas Ruma, organizzazzjoni impenjata biex tindirizza l-faqar u l-problema ta’ persuni mingħajr dar. Caritas topera madwar 50 ċentru f’Ruma, li tnejn minnhom kienu l-post fejn l-istudenti tagħna għamlu din l-esperjenza. Fis-soup kitchen “Don Luigi di Liegro” qrib l-istazzjon ta’ Termini, it-tim għen biex jiġu servuti ikliet lil aktar minn 400 persuna kull filgħaxija, filwaqt li fil-“Mensa Giovanni Paolo II” f’Colle Oppio, kienu ta’ għajnuna fil-canteen waqt il-ħin ta’ filgħodu, billi għenu biex jipprovdu numru ta’ ikliet kuljum.
Dawn il-canteens ġew imwaqqfa biex jindirizzaw il-ħtieġa immedjata tal-ikel. Huma mibnija fuq filosofija li ssostni l-valur u d-dinjità ta’ kull individwu. L-ikliet huma opportunità sabiex wieħed jinvolvi ruħu mal-mistednin fi spirtu ta’ fraternità, li jrawwem ambjent akkoljenti filwaqt li jaqdi l-bżonnijiet bażiċi tal-persuna. L-istudenti ħadu sehem attiv biex jiffaċilitaw is-servizz — iqassmu l-ikel, inaddfu l-affarijiet li jintużaw l-ikel, inaddfu l-imwejjed, u jitkelmu mal-mistednin biex jisimgħu l-istejjer personali tagħhom.
Din l-inizjattiva hija parti mill-impenn tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, li twassal fl-istudenti tagħha l-valuri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, biex tinżamm id-dinjità umana. Il-valur ta’ kull persuna huwa fil-qalba tal-ethos tal-Kulleġġ.