L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm żewġ karatteristiċi li n-nies raw f’Ġesù fil-ġrajja li smajna fl-Evanġelju llum, u li jagħtuna messaġġ sabiħ għall-ħajja u l-ħidma tagħna.
L-ewwel nett, il-kelma tiegħu, it-tagħlim tiegħu. Kien tagħlim b’awtorità. In-nies kienu jisimgħu lil ħafna mexxejja reliġjużi ta’ dak iż-żmien, imma f’Ġesù raw xi ħadd speċjali, differenti sew milli kienu jafu. Mingħand Ġesù semgħu kelma li verament setgħet tmexxihom fil-ħajja tagħhom.
Kellhom ukoll l-esperjenza ta’ ħelsien. Ġesù, mhux biss bil-kliem tiegħu imma wkoll b’dak li għamel, ħeles lil dar-raġel mill-ispirtu ħażin. Reġa’ tah ħajja ġdida.
Dak li nagħrfu f’Ġesù
Din il-missjoni ta’ Ġesù hi wkoll il-missjoni tal-Knisja. Għalhekk, hi ħaġa sabiħa li aħna lkoll, ġejjin minn parroċċi differenti, u li għandna din ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-komunitajiet parrokkjali, nagħrfu din is-sejħa.
L-ewwel nett, li aħna nagħrfu f’Ġesù l-kelma ta’ awtorità għal ħajjitna. Huwa hu li għandu jiggwidana fil-ħajja tagħna personali u fil-ħidma tagħna. Imbagħad nagħrfu wkoll li huwa hu li jista’ jeħlisna minn dak li jfixkilna fil-ħajja tagħna, huwa hu li jgħinna biex ngħixu tassew ħielsa.
Imseħbin miegħu fil-missjoni tiegħu
Is-sejħa li għandna hija biex aħna nissieħbu ma’ Ġesù f’din il-missjoni tiegħu. Ġesù llum irid ikompli jwassal il-kelma tiegħu li tagħti l-ħajja, li tagħti s-sens lill-ħajja. Irid ikompli jwassal ukoll il-ħelsien lill-bniedem mill-ispirti ħżiena.
Meta naqraw f’din is-silta l-ħelsien mill-ispirtu ħażin, għandna niftakru li din hi ħidma importanti llum ukoll. Ġieli l-ispirtu ħażin ikun ovvju minn barra, kif rajna fis-silta tal-Evanġelju. Imma ħafna drabi, ix-xitan jaħdem minn taħt, fejn ma jidhirx, b’mod li jqarraq bina.
Is-sejħa li għandna aħna lkoll fil-Knisja hi sejħa biex ngħinu ħalli nwasslu b’fedeltà l-kelma ta’ Alla, li hi kelma ta’ awtorità; u biex nikkollaboraw ma’ Ġesù fil-missjoni ta’ ħelsien mill-ispirti ħażiena – il-ħelsien minn dak kollu li lill-bniedem ifixklu, ma jħallihx jgħix bid-dinjità, ma jħallihx jgħix fil-paċi, fis-serenità, fil-grazzja ta’ Alla.
Nitolbu llum lil Alla li aħna lkoll nagħrfu naqdu din il-missjoni li nissieħbu miegħu f’dak li hu tassew ta’ ġid għall-bniedem: li nwasslu l-kelma tiegħu, u li ngħinu fil-ħelsien li jagħti l-Mulej minn kull spirtu ħażin li lill-bniedem ifixklu u ma jħallihx jgħix b’dinjità.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju