Waqt li qed tissokta b’itinerarju li mexa minn Poznan, lejn Brussell, Geneva, Zagreb, Milan, Lisbona, Hamburg, Budapest u Pariġi, dis-sena it-33 Laqgħa Ewropea organizzata mill-komunita ta’ Taize se ssir f’Rotterdam. L-attivita bejn it-28 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar mistennija tattira mat-30,000 żagħżugħ u żagħżugħa lejn dil-belt. Dan fuq stedina tal-Konferenza Episkopali tal-Olanda, tal-Kunsill Ġenerali tal-Knisja Protestanta Olandiża u tal-Kunsill tal-Knejjes tal-Olanda.
Madwar 150 knisja se jkunu qed jospitaw liż-żgħażagħ tul l-għodwa. Wara nofsinhar imbagħad, f’kull ġurnata tul l-attivita ta’ ħamest ijiem, iż-żgħażagħ se jingħaqdu fiċ-Ċentru tal-Wirjiet għall-ikel u t-talb.
“Il-gruppi ta’ ħidma waranofsinharijiet se jippermettu liż-żgħażagħ jirriflettu fuq is-sorsi tal-fidi u l-impenn tagħhom li jservu lil Kristu permezz tal-Knisja u s-soċjeta”, qalet stqarrija mill-komunita. “Ċertu suġġetti se jkunu ispirati mill-‘Ittra miċ-Ċili’ li Br Alois, pirjol ta’ Taize, se jkun qed jippubblika wara laqgħa taż-żgħażagħ Latin Amerikani mmexxija mill-Komunita ta’ Taize f’Santiago fiċ-Ċili mit-8 sat-12 ta’ Diċembru.
Programm dettaljat tal-laqgħa ta’ Rotterdam kif ukoll l-ittra ta’ Br Alois se jkunu aċċessibbli pubblikament fuq is-sit internet tal-Komunita ta’ Taize.
TAIZE, France, DEC. 2, 2010 (Zenit.org)