• Bħal ma jsir f’kull Elezzjoni Ġenerali, il-Kurja Arċiveskovili ppublikat din iċ-Ċirkolari għas-saċerdoti u għar-reliġjużi kollha fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.

    Biex is-saċerdoti u r-reliġjużi kollha jkunu jistgħu jaqdu dejjem tajjeb il-missjoni tagħhom fil-Knisja u fis-Soċjetà, u jibqgħu dejjem sinjal u strument ta’ għaqda u mħabba fil-komunità, Monsinjur Arċisqof jixtieq ifakkarhom li: 

    1. F’ebda żmien m’għandhom jattendu meetings u attivitajiet oħra politiċi.
    1. M’għandhomx jieħdu sehem fi programmi jew xandiriet politiċi, jew jiktbu f’gazzetti jew perjodiċi politiċi, jew jieħdu sehem fi programmi mxandra fuq stazzjonijiet ta’ radju jew televiżjoni jew media oħra mmexxija minn partiti politiċi, ħlief biss fejn is-sehem jew programm tagħhom ikun ta’ natura reliġjuża u bil-permess tal-Ordinarji tagħhom.
    1. Ma għandux jiġi ċelebrat Quddies f’okkażjonijiet jew ċirkostanzi li jkollhom xi konnessjoni ma’ attivitajiet jew partiti politiċi.
    1. Bi kliemhom u għemilhom għandhom jispiraw sentimenti ta’ fraternità, imħabba, komprensjoni u tolleranza.     

    Għandna nitolbu d-dawl u l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk, minn meta tasal din iċ-Ċirkolari sa nhar is-Sibt, 3 ta’ Ġunju, fil-Quddies kollu għandha tiżdied din l-invokazzjoni fit-Talba tal-Fidili:

     “Mulej, għinna nagħżlu mexxejja xierqa għal pajjiżna li bl-għerf u s-sabar ifittxu l-ġid veru tagħna f’din id-dinja mill-aħjar li jistgħu.”