-
-
Aħna, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, ninsabu mnikktin bl-ammont ta’ vjolenza mxerrda f’bosta pajjiżi fejn hemm il-gwerrer u l-persekuzzjoni kontra l-Insara, partikularment fin-naħa ta’ fuq tal-Iraq. B’għafsa ta’ qalb qegħdin insegwu lil dawk ħutna Nsara li qed jiġu mkeċċija minn djarhom b’ta fuqhom senduqhom.
Imqanqlin mill-appell li għamlilna l-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku, biex noffru talb lil Alla għad-don tar-rikonċiljazzjoni fl-Iraq għaliex il-vjolenza tintrebaħ bil-paċi, nistiednu lill-Insara kollha Maltin biex jitolbu lill-Mulej Alla u lill-Ommna Marija, Sultana tal-Paċi, biex issaltan il-paċi u l-imħabba fost il-popli u fost dawk ta’ twemmin differenti.
B’sinjal ta’ solidarjetà ma’ dawn il-komunitajiet Insara li jinsabu għaddejjin minn ħafna tbatija, qegħdin nagħmlu ukoll sejħa lill-qlub ġenerużi tagħkom biex ngħinuhom, anke b’offerta żgħira. Kull min jixtieq jagħmel għotja jwassalha lill-kappillani tagħna u aħna nwassluha lill-komunitajiet Insara fl-Iraq.
Fil-quddies kollu, waqt it-Talba tal-Ġemgħa, jiżdiedu dawn l-invokazzjonijiet jew talb ieħor bl-istess intenzjoni:
- Missier Qaddis, inti li għamiltna lkoll uliedek u aħwa ta’ Ibnek il-waħdieni Ġesu Kristu, għin lill-mexxejja tal-popli biex jagħżlu t-triq tad-djalogu, tal-ġustizzja u l-paċi fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ xulxin. Nitolbu.
- Mulej Ġesu, nitolbuk għal dawk li qed isofru tbatija minħabba f’ismek biex tagħtihom il-qawwa u l-kuraġġ ħa jibqgħu sħaħ fil-fidi tagħhom u jaħfru lil min qed jippersegwitahom. Nitolbu.
✠ MARIO GRECH
Isqof ta’ GħawdexPresident tal-Konferenza Episkopali✠ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta✠ CHARLES J. SCICLUNA
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta