L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jagħtina tagħlim importanti għar-Randan, it-tagħlim fuq it-talb ujavżana li t-talb mhux kwistjoni ta’ tlablib, jew inkella repetizzjonijiet kontinwa ta’ formoli. Tgħiduli: ‘imma fit-talba tar-Rużarju, mhux hekk nagħmlu, għandna t-talba tas-Sliema u l-Qaddisa u ngħiduha għal 50 darba, pereżempju? Ir-Rużarju jekk issir xi ħaġa mekkanika m’għandux valur, imma r-Rużarju hu mezz kif jgħinna nimmeditaw u nitolbu fuq il-misteri tal-ħajja ta’ Ġesù u tal-Madonna. Dak hu t-talb li jdaħħalna f’relazzjoni intima mal-Mulej. Mhux kwistjoni ta’ xi ħaġa li inti tgħidha u għandha effett, qisha tal-maġija. Ħafna drabi, anke min iqassam it-talb – tgħid din għal tant ġranet u taqla’ grazzja – donnu qisha xi ħaġa awtomatika.

Il-Mulej, meta għallimna nitolbu, għallimna ngħidu: “Jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art” (Mt 6:10). Tajjeb li ngħidulu lill-Mulej x’hemm fil-qalb tagħna; imma t-talba tagħna trid dejjem tkun: ‘Mulej inti taf, taf tajjeb, għamel int’. Ħafna drabi ngergru għax nippretendu li l-Mulej bilfors jagħmel dak li rridu aħna. Imma l-aqwa talba li għallimna Ġesù, mhux biss bil-kliem, imma bl-eżempju, li kontinwament infittxu r-rieda tal-Mulej.

Kemm taraha din il-ħaġa, b’mod speċjali minħabba l-wirt, kemm hi ħaġa ta’ dwejjaq, tara l-aħwa jiġġieldu, jew ma jkellmux lil xulxin għal snin twal!

Innutaw ukoll, li Ġesù jinsisti ħafna fuq il-maħfra tal-aħwa. Għax Hu, meta jgħallimna nitolbu maħfra għal dnubietna; għallimna ngħidu: “aħfrilna dnubietna” (Mt 6:12). Imma jagħmlilna qisu kundizzjoni: “bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Jinsisti fuqha; tant li wara li jagħtina t-talba tiegħu, hemm vers mit-talba tal-Missierna, li jieqaf fuqu. “Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll” (Mt 6:14).

Kemm hi ħaġa sabiħa, li meta l-Mulej jitkellem fuq ‘Alla’; jgħid: “Missierkom” (Mt 6:14). Jgħallimna wkoll li lil Alla ngħidulu: “Missierna” (Mt 6:9). Allura jekk għandna ‘Missier’ wieħed, aħna lkoll ‘aħwa’, u rridu nġibu din il-persważjoni kif nittrattaw lil xulxin. Aħna nitrattaw lil xulxin bħal aħwa? Xi kultant l-aħwa jkollhom xi jgħidu bejniethom. It-Taljani jgħidu: ‘Fratelli, coltelli’; l-aħwa xi kultant isiru skieken għal xulxin. Kemm taraha din il-ħaġa, b’mod speċjali minħabba l-wirt, kemm hi ħaġa ta’ dwejjaq, tara l-aħwa jiġġieldu, jew ma jkellmux lil xulxin għal snin twal! Imma meta nidhru quddiem il-Mulej, u nitolbuh maħfra ta’ dnubietna; aħna nkunu nistgħu ngħidulu: ‘aħfrilna dnubietna, bħalma ħfirna lil min hu ħati għalina’?  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 55:10-11
Salm: 33 (34):4-5,6-7,16-17,18-19
L-Evanġelju: Mt 6:7-15