Il-Papa Benedittu XVI esprima t-tama li l-Kattoliċi u l-Lhud iħossuhom motivati għal iktar ħidma għall-ġustizzja u l-paċi fid-dinja tal-lum. Il-Papa qal dan f’messaġġ li bagħat lir-Rabbi ewlieni ta’ Ruma, Riccardo di Segni, fl-okkażjoni tal-btajjel Lhud ta’ Rosh Hashana, Yom Kippur u Sukkot. Fit-telegramma, maħruġa wkoll għall-mezzi tal-istampa, il-Papa bagħat it-tislijiet tiegħu lill-membri kollha tal-komunita Lhudija.
Il-Papa esprima t-tama li dawn il-btajjel ikunu għalihom ta’ gwadann spiritwali u esprima t-tama li “f’kulħadd tikber ix-xewqa għall-promozzjoni ta’ iktar ġustizzja u paċi, li d-dinja tal-lum tħoss nieqsa llum”.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika fakkar ukoll b’sens ta’ gratitudni u b’affett fiż-żjara tiegħu fis-sinagoga ewlenija f’Ruma f’Jannar. Fit-telegramma huwa talab ukoll lil Alla sabiex ikompli jipproteġi lill-komunita Lhudija ta’ Ruma u sabiex jgħin lill-kattoliċi u lil-Lhud, kemm f’Ruma kif ukoll fil-bqija tad-dinja, sabiex ikompli jikbru fil-ħbiberija ta’ bejniethom.
VATICAN CITY (CNS)