• Diversi snin ilu, il-Papa Franġisku ddedika l-1 ta’ Settembru fil-Knisja Kattolika bħala l-Jum Dinji tat-Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien. Is-sena l-oħra, il-Papa fakkar lill-Kattoliċi li: “Se niċċelebraw il-Jum tat-Talb għall-Ħarien tal-Ħolqien, flimkien ma’ ħuna l-Ortodossa u knejjes oħra. Se tkun okkażjoni biex insaħħu l-isforzi komuni tagħna biex nipproteġu l-ħajja billi nirrispettaw l-ambjent u n-natura.”
    Meta waqqaf din iċ-ċelebrazzjoni annwali, il-Papa Franġisku qal: “Li ngħixu l-vokazzjoni tagħna billi nipproteġu l-ħidma ta’ Alla hija essenzjali biex ngħixu ħajja moralment tajba; għall-esperjenza Nisranija tagħna din mhix għażla jew aspett sekondarju.”
    Fost l-influwenzi ewlenin tal-Papa Franġisku hemm San Franġisk ta’ Assisi, kif jidher fl-enċiklika tiegħu Laudato si’, li tieħu l-isem tagħha mill-Għanja tax-Xemx miktuba minn San Franġisk.

    F’din il-ġurnata huwa xieraq li nitfakkru fil-kliem ta’ San Franġisk u nfaħħru lil Alla għall-ħolqien li tagħna, billi nwiegħdu li nagħmel il-parti tagħna biex inkunu protetturi ta’ dak li tatna.

     

  • L-Aktar Għoli, Mulej twajjeb, li tista’ kollox

    tiegħek is-sebħ, il-glorja u l-gieħ u kull barka.

    Lilek biss, l-Aktar Għoli, jixirqu

    u l-ebda bniedem mhu denn imqar ilissen.

    Tifħir lilek, Mulejja, għall-ħlejqa kollha,

    l-aktar oħtna x-xemx,

    li twelled il-jum u biha tagħti d-dawl

    u hija sbejħa u tgħammex b’dija sfiqa!

    Tixbaħ lilek, l-Aktar Għoli.

    Tkun imfaħħar,

    Mulejja, f’ħuna l-qamar u l-kwiekeb,

    li fis-sema sawwarthom ileqqu, għonja u sbieħ.

    Tkun imfaħħar,

    Mulejja, f’ħuna r-riħ,

    u fl-ajru msaħħab, fil-bnazzi u f’kull xorta ta’ temp,

    li bihom int tgħajjex kull maħluq.

    Tkun imfaħħar,

    Mulejja, f’ħuna l-ilma,

    hekk meħtieg u umli, siwi u safi.

    Tkun imfaħħar,

    Mulejja, f’ħuna n-nar,

    li bih, int, iddawwal il-lejl,

    hu sbejjaħ u lagħbi, robust u qawwi.

    Tkun imfaħħar,

    Mulejja, f’oħtna u ommna l-art,

    li tgħajjixna u tmexxina,

    u tagħti kull xorta ta’ frott ma’ ward u ħxejjex imlewna.

    Tkun imfaħħar, Mulejja,

    f’min lest jaħfer għal imħabbtek,

    u f’min iġarrab mard u tbatija.

    Hienja dawk jġarrbu kollox fis-sliem

    għax minnek, l-Aktar Għoli, ikunu inkurunati.

    Tkun imfaħħar,

    Mulejja, f’oħtna l-mewt tal-ġisem,

    li minnha l-ebda ħaj ma jista’ jaħrab.

    Ħażin għal min imut fid-dnub il-mejjet.

    Hienja dawk li l-mewt issibhom jagħmlu r-rieda mqaddsa tiegħek,

    għax il-mewt l-oħra ma tagħmlilhom l-ebda ħsara.

    Faħħru u bierku, il-Mulej, u roddlu ħajr

    u aqduh bl-akbar umiltà.

    1