• It-Tnejn 27 ta’ Ġunju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa u amministra s‑Sagramenti tat‑Tqarbin u tal‑Griżma tal‑Isqof, lit‑tfal ta’ Angela House mmexxija mis‑Sorijiet Ursolini, fil‑Knisja Madonna ta’ Loretu, Gwardamanġa.

    Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Angela House, Gwardamanġa
    27 ta’ Ġunju 2016
     
    Għażiża Charmaine*, minn hawnhekk jiena nawguralek li temmejt il-preparazzjoni tiegħek għall-Griżma u llum se tirċievi d-don tal-Ispirtu s-Santu. Illum, inti quddiemna, wara li tkun spiċċat din l-omelija, se ġġedded il-wegħdiet tal-Magħmudija. Inti naħseb bħali ma tiftakarx meta kont tgħammidt, tiftakar? Kemm kellek żmien? Imma kellek iżjed minn seba’ jew inqas? Inqas! Jekk kellek iżgħar minn seba’ snin, kienu l-parrini u l-ġenituri li ħadu l-wegħdiet tal-Magħmudija minn flokok. Meta t-tifel jew l-adult ikollu iżjed minn seba’ snin, il-wegħdiet jagħmilhom hu. Inti llum se ġġeddidhom biex tirċievi l-milja tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u b’hekk inti tkun irċevejt sagramenti li jagħmluk Nisranija adulta. Inti m’għadekx tifla żgħira, tfajla li għandek bżonn l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex tkompli tikber u ssir mara ta’ eżempju sabiħ.
    Ippermettili wkoll ngħid kelma wkoll lil dawn iż-żewġt itfal li llum se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. L-ewwel nett kif għidtilkom fil-bidu tal-quddiesa, nifraħ magħkom li llum intom lesti biex tilqgħu lil Ġesù fil-qalb tagħkom, anke Charmaine se tagħmel hekk fit-tqarbin, se titqarbnu flimkien. Hi tirċievi d-doni tal-Ispirtu s-Santu, intom għad baqagħlkom biex tagħmlu l-Griżma. Kollox jasal malajr, speċjalment tkun żgħażugħ jew żgħażugħa.
    llum jiena nixtieqkom toqogħdu ħafna attenti meta jiena u s-saċerdoti naqbdu l-ħobż, u jiena fuq l-ostja bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu se ngħid: “Dan hu ġismi” u mbagħad fuq il-kalċi se ngħid: “Dan hu demmi”. Il-Ġisem huwa dak ta’ Ġesù, id-Demm huwa dak ta’ Ġesù. Dan ifisser li Ġesù se jagħtikom lilu nnifsu. Tant iħobbkom Ġesù li qed jgħidilkom li jixtieq jiġi jgħix fil-qalb tiegħek, ikun fid-dar tal-qalb tiegħek.
    Aħna rridu nieħdu ħsieb li l-qalb tagħna tkun dejjem dar nadifa. Issa jekk il-qalb tagħna titħammeġ, naraw xi għanqbuta, jew inkella l-art tibda titħammeġ b’xi dnub, jew ma nobdux,  jew rasna tibda tibbies, issir taż-żonqor, x’irridu nagħmlu? Hemm xi mod kif innadfu l-qalb tagħna? Billi mmorru nqerru! Intom meta tindunaw li l-qalb tagħkom m’għadhiex sabiħa ħafna, għidu: “ħa nsib saċerdot u ngħidulu: ‘Father nista’ nqerr?’”  Ħa ngħidlu jien lil Father biex ma jagħtikomx penitenza tqila, imma ħafifa! ‘Sliema’ u ‘qaddisa’ biżżejjed. L-ewwel nett biex nagħmluha, u t-tieni biex ma taqtgħux qalbkom għax inkella tgħidu: “uff, ma rridx nerġa’ mmur inqerr għax jagtini penitenza tqila l-Father”. 
    Intom tinsewx li se titqarbnu ta’ spiss, anke jekk tikbru, xi darba tkunu l-bogħod, u tgħidu jien qiegħed man-nies, Fr Charles, m’hemmx quddies, Jew inkella mort id-disko, qomt f’xi nofsinhar u ma kienx għad baqa’ quddies. X’se nagħmel? Mela la kont rieqed ma stajtx tagħmel dnub għax min jorqod ma jistax jagħmel dnubiet. Jiena ngħidilkom xi ħaġa u anke lil Charmaine ukoll irrid ngħidlek: jekk inti ma tistax tmur quddies jew matul il-ġimgħa, anke nhar ta’ Ħadd, mhux tort tiegħek għax ma tistax jew ma ħadukx. Inti lil Ġesù għidlu: ‘Ġesù, kemm nixtieq nirċevik imma ma nistax’ u Ġesù dik ix-xewqa jeħodha bis-serjetà, jeħodha bis-serjetà! Intom tikbru għad idduru d-dinja, forsi anke narawkom fuq it-TV ukoll tirbħu xi kontest jew xi ħaġa, jew fl-mudellar, u ngħidu: “ara naqra kemm huma bravi, kemm laħqu!” U inti tkun xi mkien lanqas tista’ tisma’ quddies, agħmel dik ix-xewqa kbira li tirċievi lil Ġesù.
    Intom qatt smajtu b’Gianluca Bezzina? Le, għadkom żgħar. Dak li kien kanta ‘Tomorrow’, fil-Eurovision. Dak fejn mar, xtaq li jkun hemm il-quddiesa kuljum u tela’ miegħu saċerdot biex ikun jista jqaddes kuljum fil-hotel fejn kien. Imma mhux kulħadd jaghmilha din. Imma kieku Gianluca Bezzina qalulu: “le, ma tistax”, kien jagħmel din ix-xewqa kbira li jiltaqa’ ma’ Ġesù.
    Dak li se tirċievu llum iħobbna tant li jekk ma nistgħux nirċevuh bħalma se nagħmlu llum, nirċevuh bix-xewqa. Din ngħidha wkoll lill-kbar għax il-kbar ikollhom ħafna x’jagħmlu – min ma jistax, jagħmel din ix-xewqa kbira għax Ġesù jeħodha bis-serjetà.
    Aħna llum qegħdin nagħmlu l-festa tal-Madonna. Il-Madonna min kienet? Il-mama’ ta’ Ġesù u x’kien jisimha? Marija, kienet xebba sabiħa, kellha sittax-il sena meta kellha lil Ġesù, kienet għadha ta’eta żgħira, żgħażugħa. Kienet tfajla sabiħa u xtaqet tiżżewweġ u kienet mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi. U Ġużeppi kien iħobbha lill-Madonna, kien iħobba ħafna lil Marija  u kien iħobb ħafna lill-baby tagħha li kien jismu Ġesù.
    Meta Ġesù kiber li kien mastrudaxxa wkoll, bħal Ġużeppi li kien jieħu ħsiebu, kien hemm tieġ f’Kana, raħal ħelu żgħir u l-Madonna kienet mistiedna, aktarx kienu jiġu minnhom dawn, u Ġesù kien mistieden u ġab il-ħbieb tiegħu. Ma kienx hemm iżjed inbid, ma jsemmix il-birra, isemmi l-inbid għaliex mid-dehra inbid kienu jixorbu. Dawn kellhom problema u l-Madonna indunat u lil Ġesù qaltlu: “ma baqgħalhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “Għadni ma bdejtx jien nagħmel il-mirakli”. Ma rrisponditux. Lill-qaddejja qaltilhom: “agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Tridtx nerġgħu nirrepetuha, tfal? Isimgħuni, se nerġgħu ngħiduha flimkien dak li qalet il-Madonna f’Kana: “agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Lil dawn Ġesù qalilhom: “imlew il-ġarar kbar bl-ilma” u l-inbid inbidel f’inbid tajjeb, mhux inbid ta’ nofs kedda, inbid tajjeb ħafna ħafna. U kien hemm ħafna nbid. Jiena naħseb li mbagħad kulħadd siker; filli ma kellhom xejn, bil-għatx għall-qatra u filli mejtin fis-sakra kollha spiċċaw, la kien hemm seba’ mija u għoxrin litru inbid tajjeb, seba’ mija u għoxrin litru! Kien tieġ baqa’ jissemma, fil-fatt għadna naqraw l-istorja tiegħu.
    Imma għaliex għidtilkom din l-istorja li qrajna fl-Evanġelju llum? Charmaine u intom żewġt iħbieb tiegħi, meta tkunu inkwetati, jew weħidkom, jew qalbkom sewda, ikollkom aptit tibku u ħadd ma jaf, għidu ‘Sliema’ u ‘Qaddisa’ lill-Madonna. Tafuha s-‘Sliema’ u l-‘Qaddisa’? Ejjew ħa ngħiduha flimkien.
     
    ✠ Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
     
    *Charmaine huwa isem pseudonomu.