• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Is-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù

    4 ta’ Marzu 2019

    “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-saltna ta’ Alla” (Mk 10:23). Id-dixxipli ma setgħux jifhmu dan il-kliem ta’ Ġesù u stagħġbu għal din il-kelma għaliex din il-Kelma ta’ Ġesù kienet tpoġġi ta’ taħt fuq dak li d-dinja tgħallem sa minn dejjem: li l-għani jikkmanda, li l-flus jixħtu bniedem fil-baħar u li aħjar ħabib fis-suq milli mitfuħ fis-senduq.

    Dak huwa l-għerf tad-dinja: mhux x’taf imma lil min taf. Dan huwa l-għerf li ħafna drabi nużaw bejnietna biex nifhmu d-dinja u nippruvaw ngħixu magħha u fiha. Ġesù jaqilbilna kollox ta’ taħt fuq. “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-saltna ta’ Alla” għaliex għal Alla mhux x’għandek imma min int. Il-kefen m’għandux but; ma nieħdu xejn magħna ħlief dak li nkunu għamilna. Għall-bniedem dan ma jagħmilx sens imma għal Alla jagħmel ħafna sens. Jekk hemm skola tal-Kelma ta’ Alla, hija din l-iskola li twassalna għall-għerf tal-qalb li jifni u jinfed dak kollu li naraw. Fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla l-bniedem jitkejjel minn qalbu u mhux minn butu għax Alla jara l-qalb.      

    Lil dan iż-żagħżugħ il-Mulej staqsih domanda: “Inti l-kmandamenti tafhom?” (Mk 10:19). Għal raġel Lhudi, din id-domanda kienet tfisser ukoll: inti l-Iskrittura tafha? Għaliex l-għaxar kelmiet qaddisa għal raġel Lhudi kienu frott l-għarfien ta’ Alla u kienu waslu għandu permezz ta’ Torah, permezz tal-kotba qaddisa.   

    Il-kodiċi ta’ Ħammurabi, li huwa ġebla kbira tal-granit imnaqxa u li għadek tista’ tmur taraha fil-Louvre ġewwa Pariġi, kellha liġijiet simili għall-għaxar kmandamenti għax, wara kollox, l-għaxar kmandamenti huma l-bażi taċ-ċiviltà. Aħna bil-Malti ngħidu: jagħmluk nies. “La toqtolx, la tisraqx, la tigdibx, la tgħirx għal dak li jkollu ħaddieħor, la tiżnix” (ara Mk 10:19).  

    U meta ħares lejh, Ġesù riedu jkun nies. “Tafhom il-kmandamenti?” Għal wieħed mill-poplu ta’ Alla ma kinetx liġi imma kien il-patt li l-poplu ta’ Alla ta kelma lil Alla li kien ħelsu mill-jasar. Alla hekk jippreżenta ruħu: bħala Alla li ħeles lill-poplu tiegħu mill-jasar tal-Eġittu, mhux biex jagħtih jasar ġdid, imma biex jagħtihom l-għaxar kelmiet (id-dekalogu) li huma l-liġi ta’ ħelsien u mhux ta’ jasar. Il-kmandamenti jagħmlu lill-bniedem nies u ħieles. Meta naqgħu f’xi jasar għax ma nobdux il-kmandamenti, ma nibqgħux ħielsa.     

    “Mgħallem, jien dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti” (Mk 10:20). U l-Mulej hawnhekk jipprova jwassal lil dan iż-żagħżugħ għall-perfezzjoni bħalma qiegħed jagħmel lilkom ukoll, għeżież seminaristi. “Ħaġa waħda jonqsok, mur bigħ li għandek, agħtih lill-foqra u jkollok teżor fis-sema. Imbagħad ejja u imxi warajja” (Mk 10:21). Is-suċċess tiegħek mhux se jibqa’ jiddependi minn kemm għandek flus fil-bank jew kemm għandek ġid u artijiet imma jiddependi minn fejn qiegħda qalbek. “Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm hi qalbek (ara Lq 12:34). Ikollok teżor fis-sema! Qalbek tħares lejk, qalbek issir għalik u għal min jiltaqa’ miegħek togħma tal-ġenna.

    Għaliex fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm hi qalbek u jekk jiġi u jgħidlek ‘ikollok teżor fis-sema’ ifisser li qalbek tkun qed tantiċipa l-beatitudni, l-hena tal-ġenna minn issa fost is-slaleb, il-biki, il-frustrazzjonijiet, l-umiljazzjonijiet u l-waqgħat. Titfixkilx minħabba fihom għaliex ma ġara xejn li xi darba taqa’ għax Ġesù jibqa’ jgħidlek: “Ejja u imxi warajja” (Mk 10: 21). Imma qalbek trid tkun fejn dak it-teżor tiegħek fis-sema. Jekk trid li t-teżor tiegħek huwa li tinħabb jew li jkollok il-flus, allura miskin int, nitħassruk, nitlob ħafna għalik għax it-teżor tiegħek mhux fis-sema imma fil-ħmerijiet u l-frugħat ta’ din id-dinja. Allura jekk it-teżor tiegħek qiegħed fil-ħama tal-art, qalbek kif tista’ tgħum fil-paċi? Għax fejn hemm it-teżor tiegħek hemm qalbek.

    “Qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda” (Mk 10:22) għax iddeċieda li t-teżor tiegħu jibqa’ fl-art. Ma nafux x’ġara minnu, jekk ikkonvertiex meta ra lil Ġesù msallab, imneżża’ minn kull frugħa tad-dinja. Ma nafux. Imma dak iż-żagħżugħ jista’ jkun int u nista’ nkun jien. Illum nitolbu lil Alla biex idawwalna bil-kelma tiegħu sabiex inħaddnu s-sema u t-teżor tagħna jkun hemmhekk. Ġesù jispjega li jekk aħna ma ninfatmux u ma niddistakkawx ruħna mill-ħama tal-art, se jkun diffiċli ħafna ngħixu l-libertà ta’ wlied Alla.

    Hemm espressjoni pittoreska tal-ġemel li pprova jgħaddi minn għajn ta’ labra. Hija esaġerazzjoni kbira imma hemm kummentarji li jispjegaw li l-għajn ta’ labra kienet pjuttost żewġ pilastri kbar tal-ġebel li minnhom irid jgħaddi l-ġemel, allura inqas fantastika l-espressjoni ta’ Ġesù u hija meħuda mill-kwotidjanità, mill-ħajja ta’ dak iż-żmien.

    Naħseb intom bħali, u ġieli għaddejtu mill-esperjenza ta’ meta tkun l-ajruport u jkollok il-hand luggage u jkun hemm dik il-ħadida li trid tgħaddi minna bil-hand luggage. Hu iżjed faċli tgħaddi minn dak il-ħadid tar-Ryan Air jew tal-Easy Jet milli bniedem għani jidħol fis-saltna tal-ġenna. X’ħasra! Kemm inkwiet, kemm għira u kemm ġlied meta t-teżor ta’ qalbna jkun fil-ħama ta’ din id-dinja. 

    U aħna x’qed nitolbu fuqkom illum? Qed nitolbu li l-Mulej jimliekom bil-ħeġġa u jimliekom ukoll bl-ispirtu tal-ħniena li mhijiex il-ħasra imma l-ispirtu tad-devozzjoni, tat-talb u tal-qalb, għax aħna għandna bżonn inkunu ministri u qaddejja xierqa tal-artal tiegħu u difensuri qalbiena u twajba tal-Evanġelju tiegħu, u mhux kattivi. Ħafna drabi n-nies tinduna li min qed jipprietka għandu qalbu kiefra u dak mhuwiex qaddej tal-Evanġelju imma tiegħu nnifsu. Il-qaddej tal-Evanġelju huwa qalbieni imma twajjeb, ma jibżax, għax qalbu tajba u mhuwiex kattiv; li jkollok il-kuraġġ ma jfissirx li tkun kattiv u l-Knisja dan li qed titlob minkom: li tkunu difensuri qalbiena, twajba u qaddisa tal-Evanġelju tal-Mulej.

    Il-Mulej qed jafdalkom il-ministeru li taqdu l-Kelma tiegħu. Intom m’intomx sidien tal-Kelma, intom qaddejja tal-Kelma. F’Kapitlu 19 tal-Ktieb tal-Apokalissi hemm il-viżjoni ta’ dak ir-raġel sabiħ riekeb żiemel abjad jismu ‘il-Kelma tal-Mulej’, huwa Fidil u Veru (Apok 19:11). U warajh hemm ġgajta riekba żwiemel bojod u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom fid-demm tal-Ħaruf. Taqtgħux qalbkom mid-dgħufija tagħkom. Fis-Sagrament tal-Qrar inħaslu ta’ spiss fid-demm tal-Ħaruf. M’iniex qed ngħidilkom titgħallmu tirkbu ż-żwiemel, la bojod u lanqas ta’ kulur ieħor, imma kunu dixxipli tal-Mulej. Fl-ikonografija d-dixxiplu tal-Mulej, taraw lil San Ġorġ u lil San Pawl kollha lebsin b’ilbies tagħhom u huma riekba żiemel abjad ispirat minn din il-profezija tal-Apokalissi: iż-żiemel tad-dixxipulat li tlebtu wara l-Verbum Dei, wara l-Kelma ta’ Alla jiġifieri dak iż-żiemel abjad ta’ trijonf u li wkoll liebes il-mantar aħmar li ħaslu fid-demm fuq il-kalvarju. Mhux x’għandek, imma min int! Illum inti qaddej tal-Kelma.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti