L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Terra sublimis”. Dawn iż-żewġ kelmiet huma l-motto ta’ dan il-post, iż-Żebbuġ Għawdex, u jfissru li hi art li qiegħda fuq għolja. Imma l-kelma “sublimis” ma tfissirx biss “li qiegħda fuq għolja”, imma għandha tifsira oħra li naħseb tgħodd ħafna għal dan il-post, u partikolarment għal din il-knisja, li hi knisja sublimi, knisja sabiħa. Nitkellem b’mod partikulari fuq l-istatwa ta’ Marija Assunta li ġiet fl-1863 minn Marsilja, u l-kwadru li llum qegħdin nagħmlu ċ-ċelebrazzjoni tal-44 anniversarju mill-inkurunazzjoni tiegħu – il-kwadru li juri lit-Trinità tinkuruna lil Marija.
Naħseb li hija sabiħa ħafna meta aħna nfakkru ġrajja bħal din, tal-inkurunazzjoni. Mhux biss għaliex aktarx iktar minn nofs in-nies li jgħixu ż-Żebbuġ ma jiftakrux din il-ġrajja, imma wkoll għaliex hemm tifsira kbira meta fl-1980 l-Isqof Nikol Cauchi kien inkuruna din ix-xbieha. Kienet espressjoni tal-imħabba, tad-devozzjoni tan-nies taż-Żebbuġ imma wkoll tal-impenn tagħhom biex Marija tkun dejjem l-omm li tħares lilhom u lill-familji tagħhom, u biex tkun dejjem hi li tmexxihom fil-ħajja.
Għalhekk nixtieq illum li f’din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa tal-anniversarju tal-inkurunazzjoni niftakru l-messaġġ sabiħ li Marija tgħidilna: bħalma għandi din il-kuruna sabiħa, frott tal-imħabba tal-poplu taż-Żebbuġ, intom agħmlu mill-ħajja tagħkom kuruna sabiħa lil Marija.
Din hi l-istedina li tagħmlilna. Kull meta nħarsu lejha hawnhekk inkurunata, tfakkarna li aħna għandna nagħmlu ħilitna biex il-ħajja tagħna tkun kuruna sabiħa lil Marija.
Se nsemmi, fost diversi li wieħed jista’ jsemmi, tliet partijiet ta’ din il-kuruna li bihom nistgħu nagħmlu mill-ħajja tagħna kuruna lil Marija.
Ngħożżu l-Ewkaristija
L-ewwel nett, l-imħabba tagħna lejn Ġesù Ewkaristija. Huwa dan li smajna llum fl-Evanġelju skont San Ġwann. Ġesù jitkellem fuqu nnifsu bħala l-“ħobż tal-ħajja” (Ġw 6:51) u jgħid: “min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Ġw 6:58).
Marija tħeġġiġna biex ikollna din l-għożża għall-Ewkaristija. Hi li kellha fi ħdanha lil Ġesù, li kellha lil Ġesù tant qrib tagħha, tħeġġiġna biex aħna wkoll ikollna din l-għożża għal Ġesù Ewkaristija. Permezz tagħha Ġesù ried jibqa’ magħna u ried ukoll jiġi fina.
L-Ewkaristija mhijiex simbolu jew sinjal bħal meta tara bandiera u tgħid “dik il-bandiera ta’ dak il-pajjiż”. L-Ewkaristija hija l-preżenza reali ta’ Ġesù. Żgur li iktar ma nieħdu bis-serjetàl-imħabba lejn l-Ewkaristija, u speċjalment biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa f’Jum il-Mulej – il-Ħadd jew is-Sibt filgħaxija – iktar inkunu qegħdin nogħġbu tassew lil Marija u tgħinna biex il-ħajja tagħna nagħmluha tassew kuruna sabiħa lil Marija.
Fuq fommna t-tifħir lill-Mulej u lil Marija
Nixtieq insemmi wkoll ħaġa oħra, li neħodha mis-Salm li għedna llum: “Kull ħin inbierek il-Mulej, tifħiru dejjem fuq fommi” (Salm 34:2). Fit-Tieni Qari wkoll smajna lil San Pawl jgħid lill-Efesin: “Kantaw flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej” (Ef 5:19).
Ħajjitna tkun tassew din il-kuruna sabiħa lil Marija meta lsienna jfaħħar lill-Mulej. Il-kelma tagħna tkun kelma ta’ tifħir lill-Mulej u lil ommu Marija. Nafu kemm kultant nisimgħu l-kontra. Kultant nisimgħu kliem ta’ tkasbir lil Alla u lill-Madonna. Meta nisma’ hekk, ngħid: din qisha kuruna tax-xewk fuq ras Ġesù u fuq ras Marija, mhux kuruna sabiħa bħalma hawn hawnhekk. Mentri, jekk il-kliem tagħna jkun kliem ta’ tifħir lil Alla u lil ommu Marija, u ngħinu wkoll lill-oħrajn biex il-kliem ikun kliem ta’ tifħir, hemm il-ħajja tagħna tkun kuruna sabiħa lil Marija.
Għalhekk, nixtieq ħafna nagħmel din l-istedina lilkom, li qegħdin hawn fl-ogħla post f’Għawdex, din il-“belt fuq l-għolja”, dan id-dawl li jiddi minn hawn, biex intom tkunu tassew sublimi f’das-sens – sabiħ, eċċellenti. Tagħmlu minn din il-komunità kontinwament komunità ta’ tifħir lil Alla u ta’ tifħir lil ommu Marija, u ngħinu lill-oħrajn biex bi kliemhom ifaħħru lil Alla u lil ommu Marija.
Filwaqt li nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ din l-okkażjoni sabiħa ħafna – l-44 anniversarju mill-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari – nitolbuh biex aħna u nħarsu lejn dan il-kwadru u nammiraw kemm hu sabiħ, u niftakru x’devozzjoni kellhom l-antenati lejn ommna Marija, dejjem niftakru fl-istedina li tagħmlilna biex ħajjitna nagħmluha kuruna sabiħa lil Marija, speċjalment: bl-imħabba tagħna lejn Ġesù Ewkaristija, b’li nfittxu li ngħixu l-kelma tiegħu, u li bi kliemna dejjem infaħħru u nsebbħu l-isem imqaddes ta’ Alla u ta’ ommu Marija.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju