Il-Ġimgħa, 8 ta’ Novembru, fis-6:30 pm, it-teologu Ortodoss, l-Arkimandrita Cyril Hovorun se jagħti taħdita bl-isem ta’ Ecumenism in a Time of Political Instability. Din it-taħdita se ssir fir-Refettorju tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, bħala parti miż-żjara qasira tiegħu f’Malta u bħala l-mistieden tal-Kummissjoni Ekumenika tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Hovorun, imwieled fl-Ukrajna, huwa saċerdot u professur tat-teoloġija Ortodossa ġewwa Stokkolma fl-Isvezja, u ta konferenzi f’aktar minn 50 università u ċentru madwar id-dinja. Huwa jgħallem l-ekkleżjoloġija, ir-relazzjonijijiet internazzjonali u l-ekumeniżmu.
It-taħdita li se jagħti ġewwa Malta se tkun The First Maurice Eminyan SJ Lecture on Ecumenism. Fost attivitajiet oħra fil-parroċċi u fil-media, il-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana kull sena torganizza din it-taħdita pubblika li ngħatat l-isem tal-patri u professur Giżwita Malti, Fr Maurice Eminyan, li kien fost il-pijunieri tad-djalogu ekumeniku f’pajjiżna.
Hovorun se jkun qed jirreferi wkoll għas-sitwazzjoni soċjo-politika f’art twelidu, l-Ukrajna, u kif il-gwerra affetwat ir-relazzjonijiet bejn il-Knejjes Insara, u saħansitra anki l-klima fi ħdan il-Knisja Ortodossa.
Kulħadd huwa mistieden għal din it-taħdita. Id-dħul hu bla ħlas.