Haiti earthquake

Anki l-Knejjes fl-Ewropej kienu xxukkjati bl-aħbar tat-terremot li laqat lill-popolazzjoni ta’ Ħaiti u li ħalla qerda sħiħa, minbarra l-għadd qawwi ta’ mwiet. Tħabbar li qed isir ħafna talb, quddies għall-vittmi u anki appelli biex jingħataw donazzjonijiet b’sens ta’ ġenerożita.

Is-Sibt li ġej, se ssir quddiesa fil-katidral ta’ Notre Dame fejn l-Arċisqof, il-Kardinal Andre Vingt-Trois, se jingħaqad mal-komunita fit-talb għall-vittmi tat-terremot f’Ħaiti, u għal dawk kollha li indarbu jew intlaqtu b’xi mod mid-diżastru.

F’isem il-Konferenza Episkopali Franċiża, il-Kardinal Vingt-Trois, indirizza wkoll messaġġ lill-President tal-Konferenza Episkopali ta’ Ħaiti, fejn esprima l-kondoljanzi u s-simpatija ta’ Franza.

“Ir-rabtiet umani u spiritwali li jorbtu ż-żewġ pajjiżi għandhom joħorġu fis-solidarjeta ma’ dawk kollha milquta mit-terremot”.

Il-Federazzjoni tal-Knejjes Protestanti fi Franza attivat immedjatament fond ta’ solidarjeta għall-poplu ta’ Ħaiti. Il-Knisja Kattolika tal-Irlanda għamlet l-istess. F’appell lin-nazzjon, il-Kardinal Sean Brady ħeġġeġ  lill-Irlandiżi kollha biex “juru solidarjeta” waqt li fakkar fit-‘Trocaire’, aġenzija f’rabtiet mal-Caritas lokali u internazzjonali, li stabbiliet fond apposta għal dan l-għan.

ARĊISQOF F’ĦAITI MEJJET… L-APPELL TAL-PAPA…

Intant, il-Papa Benedittu XVI appella għall-għajnuna lill-vittmi tat-terremot u li qatlet ukoll lill-Arċisqof tal-Arċidjoċesi ta’ Port-au-Prince. L-Arċisqof Serge-Miot, imwieled il-Ħaiti u li ilu jmexxi l-Arċidjoċesi mill-1997, kien irrapurtat li tilef ħajtu kawża tat-terremot li tkejjel fuq qawwa ta’ 7 fuq l-iskala Richter.

Komunikat li sar mill-missjunarju Andre Siohan ftit sigħat wara t-terremot hu turija li ħafna kienu dawk f’tarf il-mewt. Ix-xena kienet deskritta bħala “terribbli”.

Irriżulta wkoll li għadu ma nstabx il-Vigarju Ġenerali Mons Seguiranno Benoit.

Fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa, din il-ġimgħa, il-Papa appella għat-talb għall-vittmi ta’ dik li sejjaħ “sitwazzjoni drammatika f’Ħaiti”. Esprima solidarjeta mal-qraba ta’ dawk li tilfu ħajjithom, ma’ dawk li tilfu djarhom, ma’ dawk li sofrew telfiet u danni. Appella għat-talb għall-vittmi ta’ din il-katastrofi. Aċċerta lil kulħadd bil-qrubija spiritwali tiegħu filwaqt li appella għall-ġenerożita tal-komunita internazzjonali f’mument bħal dan mill-iktar sensittiv, sabiex titwieġeb mill-iktar fis possibbbli il-karba tal-ħtiġijiet immedjati ta’ din il-popolazzjoni milquta mit-terremot.