-
-
L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Festa San Nikola, is-Siġġiewi
25 ta’ Ġunju 2017
“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem missieri li hu fis-smewwiet.” F’din is-sentenza minn Kapitlu 10 vers 32 tal-Vanġelu skont San Mattew tfisser ir-raġuni għaliex illum inġbarna hawn f’din il-knisja maestuża, imżejna b’mod sabiħ biex nagħmlu festa, kif jixraqlu lill-qaddis kbira San Nikola. San Nikola b’ħajtu, b’għemilu, bi kliemu stqarr quddiem il-bnedmin li hu ta’ Ġesù u li huwa ma’ Ġesù. U għalhekk Ġesù, li la jqarraq u la jista’ jitqarraq jistqarr u jkompli jistqarr quddiem missieru li hu fis-smewwiet li huwa ma’ Nikola. “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem missieri li hu fis-smewwiet.” (Mt 10,26) Nikola ma’ Ġesù, u Ġesù, għax hekk jgħid fil-Vanġelu, huwa ma’ Nikola. U t-talba tagħna hija li din il-kelma tkun tgħodd ukoll għalina. Charles ma’ Ġesù u Ġesù ma’ Charles. L-Arċipriet Joseph ma’ Ġesù u Ġesù mal-Arċipriet Joseph. U nkomplu, għax hawn qed nara ħafna ismijiet: George, Nikol, Daniel, Dione, Andrew, Karist, Josef, Dunstan, Reuben u Mario. Din hi l-mistoqsija li rridu nagħmlu aħna u nfakkru u nifhmu xi tfisser il-ħajja ta’ San Nikola għalina. Aħna nistqarru quddiem il-bnedmin li aħna ma’ Ġesù?
Ħa nieħu l-ewwel episodju li jimmarka lil San Nikola fl-ikonografija kollha, kemm tal-Oċċident, jiġifieri tan-naħat tagħna, kif ukoll tal-Orjent fejn trabba, fejn għex u fejn miet. Ġuvni li għandu aċċess għall-flus u li nduna li missier minħabba l-faqar kbir li safa fih m’għandux biex iżewweġ lit-tliet tfajliet tiegħu u bi qsim ta’ qalb il-missier jgħidilhom li biex ikollkom biex tgħixu aħjar tmorru “fit-triq.” Illum “it-triq” tfisser l-istess bħal ma’ kienet tfisser fi żmien San Nikola. Aħna għandna din l-espressjoni ta’ qsim il-qalb: “mara tat-triq.” Anke meta nitkellem mar-residenti fir-rijabilitazzjoni mid-droga ta’ San Blas, għadhom jitkellmu fuq “it-triq”. Issib id-droga “mit-triq.” Mhux issib id-droga ħdejn il-bankina. It-triq huwa ambjent. U dan il-missier ikollu jagħmel deċiżjoni ta’ qsim il-qalb bħal kull missier li jgħidilhom: “m’għandix biex inżewwiġkom. Tridu tbigħu lilkom infuskom!” Intom tifhmu li din mhix biss realtà tas-Seklu Tlieta biss jew tas-Seklu Erbgħa. U Nikola, kif tafu, jaqbad borża u jimlieha muniti tad-deheb u fil-moħbi jitfagħha mit-tieqa u tiżżewweġ l-ewwel tifla. U jerġa’ għat-tieni darba u jerġa’ għat-tielet. Dan il-lajk li bil-ġest tiegħu huwa ma’ Ġesù b’mod konkret għax għażel li jgħin lil dak il-missier li minflok iħalli lil uliedu tfajliet fit-triq, iqabbaqdhom it-triq taż-żwieġ.
U din hi l-ewwel tagħlima li nixtieq nislet minn dan l-episodu li intom tafuh tajjeb. Fl-ikonografija anke tal-istatwa titulari hemm wieħed mill-anġli jżomm il-ktieb bi tliet boroż tal-muniti tad-deheb bħala hemm anke fl-istatwa antika li qiegħda fis-sagristija. Lil San Nikola tagħrfu dejjem b’dan il-ġest li għamlu qabel sar isqof. Ta’ ġuvni li huwa ma’ Ġesù, lil dawn it-tliet tfajliet foqra għenhom biex jagħżlu ż-żwieġ u ż-żwieġ kif ħalqu Alla.
M’għandniex għalfejn inbiddlu l-mod kif Alla ħalaq iż-żwieġ biex aħna issa ngħidu: żewġt irġiel jistgħu jiżżewġu jew żewġ nisa jistgħu jiżżewġu.
Lejlet id-deċiżjoni skontata tal-parlament tagħna li jagħtina bonta sua, kif ngħidu bit-Taljan, definizzjoni oħra ta’ żwieġ li m’għadux biss bejn raġel u mara u li minnu jitwieldu l-ulied nitolbu l-interċessjoni ta’ San Nikola biex aħna l-Insara nagħżlu li nibqgħu ma’ Ġesù.
Aħna m’għandna xejn kontra l-gays. La raġel li jmur ma’ raġel u lanqas mara li tmur ma’ mara. Huma bnedmin li għandhom dritt għar-rispett u l-imħabba tagħna. Ħa nkun ċar għax ma tistax tkun ma’ Ġesù u tobgħod lil xi ħadd għax hu magħmul kif inhu magħmul jew tinsulentah, jew ma turihx rispett. Imma m’għandniex għalfejn inbiddlu l-mod kif Alla ħalaq iż-żwieġ biex aħna issa ngħidu: żewġt irġiel jistgħu jiżżewġu jew żewġ nisa jistgħu jiżżewġu.
U ż-żwieġ, tgħid x’tgħid il-liġi, jibqa’ l-għaqda dejjiema, esklussiva bejn raġel u mara li bl-imħabba u mill-imħabba ta’ bejniethom jitnisslu l-ulied.
Se nneħħu wkoll mil-liġijiet tagħna l-kelma raġel u mara għaż-żwieġ u omm u missier. U l-liġijiet bil-kliem nistgħu nagħmlu li rridu. Jiena nista’ niddeċiedi li ħarruba u larinġa ma nistgħux nibqgħu nsejħulhom hekk. Ngħidulhom siġar. Imma l-ħarruba tibqa’ ħarruba u l-larinġa tibqa’ larinġa, tgħid x’tgħid il-liġi. U ż-żwieġ, tgħid x’tgħid il-liġi, jibqa’ l-għaqda dejjiema, esklussiva bejn raġel u mara li bl-imħabba u mill-imħabba ta’ bejniethom jitnisslu l-ulied.
Tgħid x’tgħid il-liġi, raġel ma’ raġel ma jnissilx l-ulied. Tgħid x’tgħid il-liġi mara ma’ mara ma tnissilx l-ulied. Irid jindaħal xi ħaddieħor jew tindaħal it-teknika. U dik it-traġedja. Dik it-traġedja, li aħna l-ulied irridu nagħmluhom u mhux nilqgħuhom bħala rigal frott l-imħabba ta’ bejn ir-raġel u l-mara miżżewġin. Għalina l-ulied saru prodott, frott it-teknoloġija. U meta l-bniedem iċedi għat-tentazzjoni li t-teknoloġija tieħu over mhux bilfors qiegħed isaħħaħ id-dinjità tiegħu.
Mela meta fl-ikonografija ta’ San Nikola taraw dawk it-tliet boroż ta’ flus li hu ċċaħħad minnhom biex tliet xebbiet isibu tlitt irġiel u jiżżewġu, ftakru li jekk kull wieħed u waħda minnkom iridu jkunu ma’ Ġesù, iż-żwieġ kif ħalqu Alla tridu tgħallmuh lil uliedkom u lil ulied uliedkom bir-rispett kollu lejn il-liġi. Aħna l-Insara ġabuna f’estremità li rridu ngħidu: “il-liġi tal-istat aħna ma nagħrfuhiex.” Immaġimaw lil San Nikola kieku x’kien jgħid.
“Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbigħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Mt 10,29)
Fil-bidu ta’ dan l-Evanġelu li għadna kemm smajna li huwa Evanġelju li l-Knisja tassenja lil-liturġija tat-12-il Ħadd li qed niċċelebraw madwar il-Knisja fid-dinja kollha, il-Mulej jgħid: “La tibżgħux mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut.” (Mt 10,26)
San Nikola, kif tafu, ġie magħżul isqof wara li miet l-Isqof ta’ Mira, u s-saċerdoti u l-presbiteri ma kinux jafu lil min se jagħżlu u għamlu lejl jitolbu u qalu: “il-Mulej irid jurihulna. Il-Mulej irid jagħżlu. L-ewwel wieħed li jidħol fil-knisja ikun hu.” U dakinhar l-ewwel wieħed li daħal fil-knisja kien Nikola. Imma Nikola kien magħruf għall-għerf u l-ġenerożità tiegħu għax kif tafu, it-tielet darba, missier dawk it-tfajliet qagħadlu għassa u nduna min kien u xterdet mal-ambjenti tal-Asja Minuri, il-fama tal-għerf, il-kuraġġ u anke l-umiltà tiegħu li l-karità ma għamilhiex bid-daqq tat-trombi, ma għamilhiex biex jarawah in-nies, imma l-Mulej jagħraf il-qalb u għażlu lilu u għamlu tajjeb għax fihom kien hemm ir-rebħa tar-ragħaj u fir-rebħa tar-ragħaj kien hemm ir-rebħa tal-poplu – Nicholaus.
Ir-ragħaj it-tajjeb huwa ġieħ għall-poplu tiegħu, kif poplu mħejji tajjeb huwa ġieħ għar-ragħaj tiegħu. U għalhekk fl-isem tiegħu Nicholaus – ir-rebħa tal-poplu, hemm ukoll il-glorja tiegħu għaliex il-poplu ta’ Mira f’Nicholaus sab ix-xorti u minkejja ħafna keddet, Nikola sab fil-poplu tiegħu xorti kbira.
Nikola ddefenda l-verità li Ġesù huwa l-iben ta’ Alla, li Alla huwa l-missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. U Nikola kien dejjem mal-kelma qaddisa tal-verità. Mhux ta’ b’xejn li l-ewwel qari tal-liturġija ta’ din is-solennità tfakkarna fit-titlu tal-Mulej: “Qaddis, Qaddis, Qaddis.” (Is 6,3) U tfakkarna li l-Mulej jipparteċipa, jaqsam il-qdusija tiegħu ma’ min jagħżel u jippurifikah għax Nikola kien dgħajjef bħalna. Kien bniedem bħalna. Kien midneb bħalna. Minkejja l-legendi li nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa kien isum, kien bniedem ta’ dgħjufija bħalna. Imma kien bniedem ta’ fedeltà. Kien bniedem li kien jaf joqgħod prostrat, għarkupptejh quddiem Ġesù jitolbu ħniena għal dnubietu u għad-dnubiet tal-poplu tiegħu. U kien bniedem li l-Mulej, permezz tiegħu, għamel għeġubijiet kbar.
It-titular sabiħ ta’ Mattia Preti, iġib lil Nikola jaqbad ġuvni litteralment minn xagħru: lil Bażilju. Kemm-il darba aħna nkunu f’diffikultajiet u nitolbu l-interċessjoni ta’ San Nikola u ngħidu qabadni minn xagħri. Din l-espressjoni sabiħa. Jiena ma tantx baqagħli xagħar imma xorta ngħidha: “Qabadni minn xagħri.” U meta taraw lil San Nikola jaqbad minn xagħru lil Bażilju ftakru f’din l-espressjoni sabiħa. Għax min jinterċedi għalina, il-qaddisin li huma magħna kontinwament, ix-xirka tal-qaddisin mhijiex mit imma verità li rridu ngħixu kuljum. Huma jħennu għalina, jaqbduna minn xagħrna, jeħilsuna mill-iskjavitù tad-dnub, tal-inganni, tal-qerq.
Il-kalunja u l-insulti tal-bnedmin jiġu u jmorru imma s-sejħa ta’ Alla ma jħassarha ħadd; la l-editorjali moqżieża ta’ din id-dinja, u la l-kalunji u t-tixwix ma jistgħu jeqirdu r-rieda ta’ Alla fuq il-poplu tiegħu.
Nikola kien ukoll umiljat bħala isqof. Neżżgħuh ukoll mill-episkopat tiegħu. Mhux mis-sagrament għax is-sagrament jibqa’ għal dejjem. Imma umiljawh. Mhux biss għajtu biex ineħħuħ imma neħħewh. U intom għandkom il-pittura sabiħa ta’ Zahra, li tfakkar fil-mument li waqt li qiegħed umiljat il-ħabs, Nikola jkollu l-faraġ tal-konferma tal-vokazzjoni episkopali tiegħu minn Ġesù u minn Marija. Zahra jpinġi lil Ġesù jagħtih il-ktieb tal-Evanġelju, jafdalu l-kelma tiegħu għax jaf li Nikola huwa miegħu u hu ma’ Nikola. Il-Madonna tpoġġi fuq spallejh l-omoforjo li huwa verżjoni ikbar mill-palju li qed nilbes jien. U nnutaw l-anġlu fil-kantuniera jerġa’ jpoġġi ċ-ċurkett tal-isqof fis-saba ta’ Nikola. Għax il-kalunja u l-insulti tal-bnedmin jiġu u jmorru imma s-sejħa ta’ Alla ma jħassarha ħadd; la l-editorjali moqżieża ta’ din id-dinja, u la l-kalunji u t-tixwix ma jistgħu jeqirdu r-rieda ta’ Alla fuq il-poplu tiegħu.
Il-fidi tagħna mhux tal-paroli, lanqas hija tal-festi. Il-fidi tagħna hija tal-fatti, tal-karità.
L-aħħar ħsieb. San Nikola kien meqjum u dejjem kien meqjum bħala r-regola tal-fidi kanóna písteos. Ir-regola tal-fidi. Min kien iħares lejh, min kien jarah jitħabat u jiġri biex isalva tliet kaptani kkundannati biex jaqtgħulhom rashom, min kien jarah jiddefendi l-innoċenza tat-tfal. Min kien jarah jagħti l-qamħ lil poplu li m’għandux x’jiekol, kien jirrealiza li l-fidi ta’ Nikola kienet fidi konkreta u mhux tal-paroli. Mhux tal-eżortazzjoni biss. Kien ragħaj li fejn kien hemm il-bżonn, fejn kien hemm il-bżonn jiddefendi d-dinjità tal-bniedem jew jgħinu konkretament, qatt ma ħarab, qatt ma nħeba. U aħna nistgħu nifhmu għax min kien jarah lil Nikola, jgħix, jitlob jopera kien jgħid dan jgħallimna kif tkun il-fidi għax il-fidi turiha mill-opri, mill-imġiba tiegħek, mill-għażliet tiegħek, minn kemm inti kapaċi tagħraf lill-Mulej fil-fqir, fil-batut. Aħna nitolbu li aħna l-Insara nibqgħu komunità ta’ solidarjetà vera. Jiena nixtieq nirringrazzja ħafna lill-poplu tas-Siġġiewi tal-imħabba kbira li għandu għad-Dar tal-Providenza għax jiena naf li d-Dar tal-Providenza hija għal qalbkom. Mhux qiegħda biss hemm għax qiegħda fis-Siġġiewi, imma qiegħda fil-qalb tas-Siġġiwien. U ftakru li Nikola l-istess kien jagħmel, kif tagħmlu intom, għax il-fidi tagħna mhux tal-paroli, lanqas hija tal-festi. Il-fidi tagħna hija tal-fatti, tal-karità, dik il-fidi li meta tara maskra ma togħġbokx tgħid: “imma dan huwa bniedem, dik hija persuna umana”. Mhux naraw jekk hux ġej tajjeb jew le u ngħidu mela nneħħih kif qed tkun il-moda. U nwissi lit-tobba li meta tiġi mara tqila u tiġihom it-tentazzjoni biex jissuġġerixxu l-abort, ma jagħmluhx. Bagħathomlna l-Mulej għaliex jista’ jkun li veru r-wrapping naqra mċerċer imma hemmhekk għandek moħbija ġawhra li hija ta’ qdusija għalik u ta’ glorja kbira għall-familja tiegħek. “La tibżgħux, la tibżgħux.” (Mt 10,26)
“Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Mt 10,30)
U l-aħħar talb hija biex San Nikola jinterċedi għalija bħala l-isqof tagħkom, għax huwa isqof, jaf x’iġifieri, u għas-sċerdoti tagħna. Itolbu għas-saċerdoti tagħna. Imma jien nixtieq nitolbu barka speċjali fuq Dun Nikol u fuq Dun Danjel. Il-Mulej jirringrazzjakom hu, għażiż Dun Nikol, għażiż Dun Danjel, tax-xogħol li għamiltu fost il-komunità mingħajr ħafna kjass, imma b’fedeltà kbira. Kulħadd japprezza l-vuċi diretta tagħkom, li dak li għandkom tgħidu tgħiduh, imma naf li dejjem tagħmluh bi mħabba kbira. U permezz tagħkom jien li wkoll nara l-abbatini, il-familji tagħna, nixtieq nitolbu lil San Nikola jkompli jbierek is-Siġġiewi bil-vokazzjonijiet.
Għandna xi ħadd mis-Siġġiewi s-Seminarju? Iva, għandna lil Osmar. Il-Mulej berikna għax is-Seminarju mingħajr xi ħadd mis-Siġġiewi mhux komplut.
Allura jien nixtieq li din it-tradizzjoni nkompluha għax Osmar issa jikber u jsir saċerdot u tagħmlulu festa kbira wkoll, kif jixraqlu. Aħna nitolbu li jibqa’ għaddej. Aħna rridu nirrispettaw il-libertà tal-vokazzjoni. Is-Seminarju qiegħed biex tagħżel jekk hux għalik jew le. Imma aħna nitolbu għall-perseveranza u nirrispettaw il-libertà ta’ dak li jkun. Imma nitolbu biex anke minn dawn l-abbatini, minn tant żgħażagħ mis-Siġġiewi, joħorġu l-vokazzjonijiet. Qed nara l-katekisti tal-MUSEUM jien ukoll. Nirringrazzjahom. Il-Qasam tas-Siġġiewi għandu fama mondjali. Nirringrazzjakom.
Nitlob il-barka ta’ San Nikol fuq din il-parroċċa.
Viva San Nikola.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-