L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-ewwel nett xtaqt nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom illejla. Nixtieq ukoll li twasslu t-tislijiet tiegħi lil dawk li ma setgħux ikunu magħna llum. Hija ħaġa sabiħa li aħna u nippreparaw għall-jiem qaddisa tal-Ġimgħa Mqaddsa, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt, aħna ninġabru f’mument ta’ talb. 

Għadna kemm tlabna t-talba tal-Via Sagra, u permezz tagħha akkumpanjajna lil Ġesù mill-kundanna tiegħu għall-mewt, sat-tislib tiegħu fuq is-Salib u d-difna tiegħu fil-qabar ġdid. Il-fidi tagħna tgħallimna li dak li qegħdin niċċelebraw ma jagħmilx sens, anzi jsib il-milja tiegħu fil-jum ta’ Ħadd il-Għid, fl-Irxoxt tal-Mulej. Jien nixtieq nirringrazzjakom ħafna ta’ kull sforz li tagħmlu biex il-funzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, il-manifestazzjonijiet kulturali u reliġjużi, li norganizzaw fil-Jiem Imqaddsa, jagħtu togħma sabiħa, qaddisa, miġbura u devota lil dawn il-jiem tassew speċjali fis-sena. 

Jekk m’iniex sejjer żball ilna tliet snin ma niċċelebraw kif nixtiequ l-Ġimgħa l-Kbira, daqqa minħabba l-Covid, u daqqa minħabba l-maltemp. Nawguraw u nitolbu li din is-sena jmur kollox b’wiċċ il-ġid, kemm fil-Ġimgħa l-Kbira, jew f’Ħadd il-Palm (għal min jagħmel il-purċissjoni qabel) u anke nhar Ħadd il-Għid. 

Li nitlob fuqkom u għalikom hu li intom tikbru bl-ispirtu ta’ dak li qed tiċċelebraw u taħdmu għalih b’tant ħerqa u b’tant ġenerożità. Wara kull wieħed u kull waħda minnkom, jiena nara mhux lilkom biss, imma lill-maħbubin tagħkom ukoll: lill-familji tagħkom, lil żwieġkom, lil martkom, lill-għarajjes tagħkom, lill-ħbieb tagħkom. Għax nifhem, li dak li lkoll tagħmlu ma tagħmluhx weħidkom, imma jeħtieġ is-sostenn u s-sapport ta’ ħafna nies. Nixtieq nirringrazzjakom ukoll tal-ġenerożità tagħkom, għaliex naf ukoll is-sagrifiċċji personali li tagħmlu biex l-affarijiet imorru b’wiċċ il-ġid u kif suppost. 

Nitlob li fostkom dejjem issaltan l-għaqda. Ma jfissirx li ma jkollniex xi diżgwid, għax anke kif ngħidu bil-Malti: l-imsaren igergru fl-istonku, aħseb u ara aħna meta naħbtu flimkien. Imma tajjeb li ma ninsew qatt x’qegħdin niċċelebraw, għaliex qegħdin niċċelebraw, u lil min qegħdin infakkru u niċċelebraw: lil Ġesù; li fil-mument tal-ikbar tbatija, jurina l-ikbar imħabba. Nista’ jien niċċelebra l-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid, u nonqos milli nimita lil Ġesù fil-virtujiet li huwa jgħallimni f’kull stazzjon tal-Via Crucis? 

Uħud minnkom marbutin bit-tradizzjoni ma’ xi statwa partikolari. Tajjeb li, bl-għajnuna ta’ min jifhem iżjed minna, nidħlu fl-ispiritwalità ta’ dak li qegħdin inqimu, u bil-preżenza u bl-atteġġjament tagħna, aħna nwasslu messaġġ tassew sabiħ. 

Meta jżuru lil pajjiżna fil-ġranet qaddisa tal-Għid, ħafna jibqgħu meraviljati bl-ispettakli straordinarji li jaraw. U bir-raġun! Jalla dak li jiltaqgħu miegħu jkun ukoll espressjoni ta’ fidi, ta’ nies li qed jagħmlu dan, mhux biss imqanqlin mill-imħabba sabiħa għat-tradizzjonijiet ta’ missirijietna, imma fuq kollox imqanqlin mill-imħabba għal Ġesù. 

Nirringrazzjakom ukoll talli fil-preparazzjoni li tagħmlu, mhux biss tagħtu ħin għall-preparazzjoni materjali, imma wkoll spiritwali. Tħallux li l-Ġimgħa l-Kbira tfixkilkom milli tkunu qrib Ġesù. Ejjew nagħmlu t-talba li l-Knisja tgħallem lis-saċerdot qabel jitqarben u ngħiduhielu flimkien: Ġesù, agħtini grazzja li ma ninfired qatt minnek. ‘Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna’.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Eżek 18:21-28
Salm: 129 (130):1-2,3-4ab,4ċ-6,7-8
L-Evanġelju: Mt 5:20-26

Aktar ritratti