• ***

    Direttur: J. Blakeson
    Atturi: Chloe Grace Moretz, Nick Robinson, Alex Roe
    Ħin: 112 minuti
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited
     
    Klassifika tal-Gvern: 12
    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    Bħala sfond tkun saret invażjoni aljena li seħħet f’ħames mewġiet. Fl-ewwel mewġa vettura spazjali enormi tidħol fl-orbita tad-dinja u wara  ftit tispara lejn id-dinja pulse elettromanjetiku li jġib ħerba. Fit-tieni mewġa l-vettura spazjali tikkawża tsunamijiet madwar id-dinja li jeqirdu l-ibliet madwar il-baħar. Fit-tielet mewġa xxerred epidemija ta’ avian flu li toqtol il-biċċa l-kbira tal-bnedmin li jkun baqa’. Fir-raba’ mewġa l-aljeni jibgħatu nies biex jisparaw u joqtlu lil min ikun baqa’. Fil-ħames mewġa l-aljeni jinvadu d-dinja. Cassie, żgħażugħa minn Ohio, titlef lil ommha fit-tielet mewġa u lil missierha fir-raba’ mewġa. Qabel ma’ jiġi maqtul missierha jibgħat lil Cassie u Sam, ħuha iżgħar minnha, lejn kamp tar-refuġjati, iżda jiġu separati minn xulxin.  Cassie tmur tfittex lil ħuha, iżda tissogra li tiġi maqtula mill-aljeni, li ħadu s-sura ta’ bnedmin. Cassie tisfa’ feruta imma tiġi kkurata minn stranġier, Evan Walker, u tibda relazzjoni miegħu. Evan jaċċetta li jakkompanjha lejn il-bażi militari biex issib lil ħuha, imma huma u sejrin tinduna li hemm xi ħaġa li ma ddoqx f’Evan.
     
    Film ta’ fantaxjenza, adattat mill-ktieb bl-istess isem ta’ Rick Yancey (2003). Il-film jittratta l-problemi taż-żgħażagħ fil-qabża tagħhom minn tfal għal adulti. Chloe Grace Moretz, taħdem parti mill-aqwa bħala Cassie, iżda l-film jipprova jdaħħal ħafna affarijiet, li ma jirnexxilux jiżvilupphom sewwa. Fih ħafna vjolenza, xi kontenut sesswali, u kliem ħażin. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15-il sena.