***

Diretturi:         Conrad Vernon u Greg Tiernan

Ilħna:               Oscar Isaac, Charlize Theron, Chloe Grace, Moretz, Finn Wolfhard, Nick Kroll, Snoop Dogg, Bette Midler u Allison Janney

Ħin tal-Film:    87 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

Gomez u Morticia Addams  jitkeċċew mill-kumplament tal-familja waqt ċerimonja ta’ tieġ minn folla mgħaddba għax ma qablitx man-natura makabra taċ-ċerimonja. Il-familja Addams jiddeċiedu li joħorġu minn hemm u jmorru New Jersey. Hemm isibu dar kbira ideali għalihom fuq għolja, dar li darba kienet sptar għall-mard mentali iżda issa kienet abbandunata u fi stat ħażin. Fiha kien joqgħod ħares nervuż li jitlagħlu malajr. Bi żball, Thing jolqot lil Lurch, miġnun maħrub u wara dan, idaħħluh magħhom bħala kamrier.

Jgħaddu tlettax-il sena u għall-familja Addams kien wasal iż-żmien li Gomez jipprepara lit-tifel tiegħu Pugsley għal rit Mazurka, rit li kull membru tal-familja kif jasal fl-età tal-adoloxxenza kien ikollu jgħaddi minnu. Morticia min-naħa l-oħra kellha biċċa xogħol iebsa biex iżżomm lit-tifla tagħha Wednesday milli toħroġ barra mid-dar biex tieħu xi ftit ta’ esperjenza ta’ barra.

Fil-belt, fil-qrib, kien igħix Margaux Needler li kien bena belt ġdida u kien jikkontrolla kollox permezz ta’ CCTV kameras kullimkien. Xtaq li permezz ta’ dan il-kontroll ikun hemm armonija u jkun  hemm relazzjonijiet tajba mal-membri tal-komunita’ tal-belt. Il-familja Addams iżda ma riedux ikunu parti minn dan il-programm. Għalhekk Margaux kien determinat li jeħles minnhom ghax dawn ma kienux lesti li jbiddlu l-istil ta’ ħajjithom.

Sadanittant, Wednesday tiltaqa’ ma’ Parker, it-tifla ta’ Margaux u din tikkonvinċi lill-omm Wednesday biex tħalli t-tifla tattendi l-iskola magħha. Pugsley min-naħa tiegħu kien qiegħed isibha diffiċli ħafna biex jaċċetta t-tradizzjoni tal-familja Addams għalkemm kien qiegħed jiġi iggwidat minn Gomez u Uncle Fester. Grandmama tasal id-dar biex tkun preżenti għal l-avveniment  fil-familja.

Fl-iskola, Wednesday tiddefendi lil Parker u l-ħbieb tewmin tagħha Layla u Kajla mill-bulli tal-iskola Bethany. Wednesday issir ħabiba tagħhom. Ftit wara, Wednesday u Parker jidhru frustrati minħabba l-ħwejjeġ li ommijiethom kienu libbsuhom. Għalhekk Parker tibda tilbes bl-istil ta’ Wednesday, waqt li Wednesday tilbes ilbies kkulurit bħalma kienet tilbes Parker. Kien xokk kbir għall-ġenituri tat-tnejn u wara argument m’ommha, Wednesday taħrab mid-dar u tmur bil-moħbi għand Parker. X’jiġri minn hawn?

Film Amerikan, animat komputerizzat, taħt id-direzzjoni ta’ Conrad  Vernon u Greg Tiernan, kitba ta’ Matt Lieberman, Erica Rivinoja u Conrad Vernon. Film bi storja ħelwa u anke b’tagħlima. Tajjeb li tfal żgħar jarawh ma’ xi  adult.