-
Nhar il-Ħadd 24 ta’ Mejju 2015, Monsinjur Arċisqof iċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tas-solennità ta’ Għid il-Ħamsin, u amministra s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof lill-adoloxxenti tal-parroċċi tal-Belt, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
L-Omelija tal-Arċisqof
-
-
Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta24 ta’ Mejju 2015Ippermettuli nibda billi ngħid ftit kliem ta’ kuraġġ lil dawn iż-żgħażagħ li llum se jirċievu s-sagrament tal-Griżma.Għeżież żgħażagħ, nixtieqkom taħsbu ftit fuq is-simboli li aħna nużaw biex infissru min hu l-Ispirtu s-Santu. Fil-Vanġelu nsibu tlett tixbihat kollha maqgħuda ma’ esperjenza qawwija li verament ġrat. L-Ispirtu s-Santu jidher f’forma ta’ ħamiema meta Ġesù jitgħammed fix-xmara Ġordan. Il-ħamiema, li narawha f’diversi kwadri u anke skulturi li juru dan l-avveniment fejn Ġesù beda l-missjoni tiegħu, tfakkarna f’rakkont ieħor meta Noe rrealizza li ma kienx hemm iżjed għarar u l-ħamiema rritornat b’fergħa taż-żebbuġ fil-munqar tagħha. Il-ħamiema ġġib magħha r-rikonċiljazzjoni u l-paċi. Jekk intom tħarsu lejn l-iskultura sabiħa li għandna tal-magħmudija ta’ Ġesù minn Ġwanni l-Battista, taraw l-Ispirtu s-Santu b’dawk ir-raġġi ħerġin minnu. Hawnhekk, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, għandna xbieha qawwija tal-Ispirtu s-Santu.
It-tieni sinjal tal-Ispirtu s-Santu jsemmih Ġesù stess: nixxiegħa ta’ ilma ħaj. Meta kien qed jitkellem fit-tempju qal: “Min jiġi lejja l-Ispirtu s-Santu jiġi fih, u minn qalbu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj, mill-qalb tan-Nisrani li huwa mimli bl-Ispirtu s-Santu bħalma se tkunu intom wara dan is-sagrament li se tirċievu llum.
It-tielet xbieha smajniha fir-rakkont tal-lum meta l-appostli, f’Għid il-Ħamsin, bħal-lum, ħamsin jum wara l-Għid, niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu u deher bħal ilsna tan-nar. Issa, illum, intom u ħerġin mill-Konkatidral ta’ San Ġwann, la se jkollkom ħamiema fuq raskom, la se joħroġ ilma minnkom, u lanqas se jkollkom ilsna tan-nar fuqkom. Mela kif se tinduna li fil-qalb tiegħek qiegħed isaltan l-Ispirtu tal-Mulej Ġesù? Hemm xebħ li għandkom tużawh matul ħajjitkom kollha. Hija kelma qasira bil-Malti b’erba’ ittri u hija l-kelma ‘paċi’. Jekk inti trid tkun taf jekk intix qed timxi fuq it-triq li jurik l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu qaddis tal-Mulej, iċċekja jekk f’qalbek intix fil-paċi. L-Ispirtu s-Santu dejjem iġiblek l-għaqal, il-parir tajjeb, il-ħeġġa, il-qawwa biex ma tibżax, imma anke t-tjieba, forza qawwija li taħfer, li ma toqgħodx tbejjed fil-qalb tiegħek anke jekk xi ħadd iweġġgħek, hekk il-qawwa li taħfer ġejja mill-Ispirtu qaddis tal-Mulej.Il-bierah kont qed nisma’ intervista ma’ tifla ta’ bejn tnax u erbatax-il sena, mill-Iraq. Kienet toqgħod f’belt jisimha Qaraqosh, imma minħabba l-Isis kellha tħalli darha. Kienet qed titkellem bl-Għarbi, imma meta tismagħha titkellem lil din it-tifla, bil-Malti tifhem ftit x’qiegħda tgħid u qalet, “Aħna veru tlifna kollox imma ma naqtgħux qalbna”. U l-ġurnalist li kien qed jintervistaha qalilha, “imma inti xi tħoss għal dawk li ħadulkom id-dar tagħkom? U qalulkom li jekk ma taħarbux se joqtlulkom?” U qaltlu: “aħna għandna lil Ġesù f’qalbna, aħna rridu nitolbu għalihom u nħobbuhom”. L-aħwa, dan il-kliem, din it-tifla ta’ 14-il sena ma tistax tgħidu jekk fil-qalb tagħna ma jkollniex l-Ispirtu tal-Mulej.Bħal Santa Ċeċilja, li kienet tifla daqskom ta’ 12-il sena, meta qalulha: “x’se tagħmel issir pagana jew tmut?” Santa Ċeċilja qaltilhom: “jiena l-għarus tiegħi Ġesù” u mietet martri. L-istess Sant’Anjeże. Dawn huma żgħażagħ tal-età tagħkom li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu għażlu li jkunu xhieda ta’ Ġesù. Illum m’inthomx imsejħin għal hekk, u x-xhieda mhux li joqtluk imma li tgħix ħabib ta’ Ġesù, ix-xhieda fil-ħajja tagħna.Intom tistgħu tagħmlu party għax issa m’hemmx għalfejn tmorru iktar katekeżi, tgħidu: ħlisna. Is-suġġeriment tiegħi, għeżież żgħażagħ, huwa li tkomplu tfittxu t-tagħlim, mhux biss l-edukazzjoni li hi importanti ħafna, imma anke t-tagħlim Nisrani. Tippermettuli nagħtikom l-aħħar parir? Li tisimgħu naqra iżjed mill-ġenituri tagħkom b’mod speċjali issa li intom adoloxxenti, għax ħafna drabi meta nkunu tfal żgħar ma tantx ikollna għażla, imma issa għandkom l-għażla; tobdi, tisma’ jew ma tismax, minn waħda jidħol u mill-oħra joħroġ malajr malajr. Il-parir tiegħi hu li qabel tagħmel hekk tiżen l-imħabba li hemm wara kull kelma, iżen l-għaqal li hemm wara kull kelma, għax id-deċiżonijiet huma tagħkom. Aħna ma nistgħux naqbdukom minn idejkom u noqgħodu magħkom il-ħin kollu. Intom tridu tkunu.L-Ispirtu s-Santu jgħinkom ukoll tagħmlu għażliet tajba, ma tibżgħux tesprimu l-opinjoni tagħkom, tkunu xhieda ta’ Ġesù. Tibżgħux tkunu Insara ferħana. Bil-lingwaġġ tagħkom tal-internet: it is cool to be a Christian. Kunu ferħana! Illum l-Ispirtu s-Santu qed jimlikom bil-paċi tiegħu, jistedinkom biex tkomplu din l-avventura li tkunu Insara fid-dinja tal-lum u tkunu wkoll ċittadini ta’ eżempju għal din l-art ħelwa li tatna isimha.✝ Charles J. SciclunaArċisqof ta’ Malta