• *****

    Direttur:          Michael Gracey

    Atturi:              Hugh Jackman, Zac Efron, Michelle Williams, Rebecca Ferguson, Zendaya, Keala Settle, Yahya Abdul-Mateen, Austyn Johnson, Cameron Seely u Daniel Everidge

    Ħin tal-Film:    105 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       PG

    P.T. Barnum, waqt li kien qiegħed jakkumpanja lil missieru, ħajjat, għand sinjur kbir biex iġġarrablu libsa, jitfa’ ħarstu fuq Charity, it-tifla ta’ dan il-benestant. Dik il-ħarsa kellha tkun il-bidu ta’ mħabba dejjiema li għenet lil Barnum iwettaq il-ħolma tiegħu, dik li jwaqqaf famija u jkun ukoll dik il-persuna li kellha l-kapaċità li tiġbed l-attenzjoni fuqu minn eluf b’dak kollu li kien kapaċi joffri permezz tal-wirjiet li ħoloq.
    Il-bidu ma kienx faċli fil-ħajja taż-żwieg tiegħu ma’ Charity li kienet ħalliet il-kumdità ta’ fejn kienet trabbiet fih biex tingħaqad mal-maħbub tagħha. Meta l-kumpanija li kien jaħdem magħha Barnum, tfalli, hu jkollu jsib alternattiva biex jgħajjex il-familja. Jara kif jagħmel u jixtri mużew ta’ statwi tax-xemgħa, mużew , li ftit li xejn kien jiġbed nies biex jidħlu jarawh. Iżda Barnum kien lest li jipprova u meta jara li ftit li xejn kien hemm futur għal dan il-mużew ġietu l-idea li jiġbor madwaru ċorma nies, bħal Lettie Lutz, magħrufa aħjar bħala l-Bearded Lady, Tom Thumb, nanu mlaqqam, il-Ġeneral u oħrajn li kollha kienu nies anormali.
    Barnum jsib l-għajnuna ta’ Philip Carlyle, negozjant minn New York, sieħeb mhux daqstant tipiku iżda li f’qasir żmien Barnum u Carlyle jibdew jippreżentaw wirjiet li jibdew jiġbdu mijiet ta’ spettaturi li kienu jmorru għal kurżita’ biex jaraw  dawn il-persuni anormali joffru spettaklu mhux tas-soltu. Barnum f’qasir żmien għamel fortuna bis-suċċess li rnexxielu joħloq. Carlyle minnaħa tiegħu jinġibed lejn Anne Wheeler, tfajla artista Afro-Amerikana. Sfortunatament, is-suċċess jista’ jitla’ għar-ras ta’ dak li jkun. Hekk jiġrilu Barnum meta jwarrab lil dawk li kienu għenuh u għamluh sinjur. Barnum jibda jikkonċentra l-ħin kollu tiegħu madwar il-kantanta primadonna Żvediża, Jenny Lind. X’jiġri minn hawn? Barnum beda jirriskja mhux biss li jitlef dak kollu li kien bena f’negozju ta’ divertiment, iżda wkoll il-familja li kien tant jgħożż.
    Film Amerikan, biografija  mużikali, msejjes fuq il-ħajja ta’ P.T. Barnum, showman famuż li ta bidu għal divertiment magħruf ta’ Ringling Bros. u Barnum &  Bailey Circus. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Michael Gracey, kitba ta’ Jenny Bicks u Bill Condon. Film pożittiv, b’kant għal widna kif ukoll bi storja mexxejja u li żżommlok l-attenzjoni sat-tmiem.