-
-
Direttur: David Alaux
Ilħna: Paul Borne, Philippe Bozo, Pascal Casanova, Emmanuel Curtil, Michel Mella, Celine Mo:ntsarrat u Laurent Morteau
Ħin tal-Film: 97 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: PG
Maurice, mis-sura tiegħu kont taħsbu li kien pingwin, iżda ġewwa fih hemm il-personalità ta’ tigra. Dan minħabba l-fatt li Maurice kien trabba minn tigra u għaldaqstant, ħa l-istint ta’ tigra: ma jibża’ minn xejn u għandu l-ħila li jkun mexxej tal-annimali l-oħra li kienu jgħammru ġewwa l-ġungla. L-uniku ħaġa li kienet tmur kontra tiegħu kienet li hu kien l-iktar mgħallem tal-Kung-Fu goff u żgarbat.
Madankollu, Maurice kien iħoss li kienet il-missjoni tiegħu, li flimkien mal-ħbieb tiegħu: The Jungle Bunch, jara li fil-ġungla kienet tinżamm l-ordni u li dejjem titwettaq il-ġustizzja ma’ kulħadd. Dan wara kollox kif kien ġie mrobbi mit-tigra li kienet ħadet ħsiebu u li għenet mhux bil-ftit biex Maurice jrawwem fih esperjenzi pożittivi ta’ ordni u ġustizzja. Kollox deher sejjer sew sakemm fix-xena jidħol Igor, kuala ħazin u korrott li ried jeqred il-ġungla darba għal dejjem. Dan kien lest li jagħmlu bl-għajnuna li kienu lesti jtuħ armata sħiħa ta’ babbwini stupidi iżda għalkemm stupidi, setgħu jagħmlu ħsara kbira fl-ambjent sabiħ li kien jeżisti fil-ġungla. Hawn issa fejn Maurice ħass il-ħtieġa, li flimkien ma’ shabu The Jungle Bunch ma jħallux lil Igor iwettaq il-pjan tiegħu. Kif sejrin jagħmlu dan? Tgħid jirnexxielhom jegħlbu l-armata ta’ babbwini li Igor kien ġabar għal warajh?
Film Franċiż – Amerikan – Brittaniku, animat għal serje televiżiv, maħluq minn Jean-Francois Tosti, David Alaux u Eric Tosti. Minħabba li l-film għandu xeni ta’ vjolenza, għalkemm ħadd ma jidher li jweġġa’ serjament, ikun tajjeb li t-tfal iż-żgħar ikunu akkumpanjati minn xi adult.