Statwa replika ta’ Kristu Redentur tal-Brażil qed tiddawwar mal-Ewropa hekk kif għaddejjin it-tħejjijiet għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li se jsir is-sena d-dieħla f’Rio de Janiero. Ir-replika ta’ tnax-il pulzier kienet ippreżentata l-Ġimgħa fil-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi. L-istata tbierket waqt quddiesa li għaliha attendew diversi personalitajiet reliġjużi minn Franza u l-Brażil. L-istatwa ttieħdet Madrid u anki l-Vatikan, u mistennija tiddawwar l-Portugal, il-Kanada, il-Ġappun u Mozambique. Kull belt se jkollha wkoll replika bħala simbolu tal-paċi u li fl-istes waqt tkun qed tfakkar fl-avveniment tas-sena d-dieħla.
Fr Omar Raposo, rettur tal-Bażilika ta’ Kristu Redentur u direttur tal-loġistika kollha marbuta mal-avveniment tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Rio de Janiero, fi ħdan il-Kumitat Organizzattiv, akkumpanja l-istatwa tul il-vjaġġ fl-Ewropa.
F’kummenti li ta lill-media huwa amplifika dwar is-sinifikat tal-istatwa u qal li “Kristu hu mhux biss dak li jilqa’ lill-pellegrini u lit-turisti, iżda li b’idejh miftuħa jilqa’ pajjiżi u kulturi differenti”.
Il-vjaġġ bl-istatwa jaħbat ma’ ftuħ iż-żmien tar-reġistrazzjoni għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li nfetaħ it-Tlieta fil-Brażil. Fl-ewwel 24 siegħa kkonfermaw is-sehem tagħhom mal-4,000 żagħżugħ u żagħżugħa.
“Dan il-jum dinji huma investiment fiż-żgħażagħ, għall-binja ta’ iktar valuri umani u solidarjeta akbar sabiex is-soċjeta tinbidel”, qal l-Arċisqof waqt li fakkar li l-Knisja hi msejħa tibqa’ maqgħuda f’dan il-proċess.