Fondazzjoni Sebħ nediet il-proġett ‘See My Voice’ li f’Diċembru li għadda ngħata l-Premju tal-President għall-Kreattività 2022 bl-allokazzjoni ta’ €9,698 għal din l-inizjattiva. Bħalissa l-Fondazzjoni tinsab fl-ewwel fażi tal-proġett li se jitwettaq ma’ tfal li jgħixu fid-djar residenzjali tal-Fondazzjoni, nisa u wliedhom li għaddew minn esperjenzi ta’ abbuż, kif ukoll membri mill-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa fejn il-Fondazzjoni toffri servizz ta’ assistenza soċjali. L-għan tal-proġett hu li jagħti l-possibbiltà lil dawn il-persuni biex isemmgħu leħinhom permezz ta’ forom differenti ta’ arti espressiva.
Dan il-proġett, li għandu l-gwida ta’ artisti esperjenzati u qed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Arti, ser joħloq opportunitajiet ġodda ta’ espressjoni permezz ta’ arti, disinn tal-moda, drama u żfin. Matul din is-sena se jittellgħu numru ta’ workshops bil-għan li tinħoloq kultura ta’ kreattività fost ir-residenti u persuni li jużaw is-servizzi ta’ Fondazzjoni Sebħ. Il-workshops se jippromovu wkoll li jerġa’ jsir użu minn materjal li ġa ntuża fil-ħajja ta’ kuljum biex jiġi trasformat f’oġġetti alternattivi u bżonjużi. Dan se jgħin biex titnaqqas il-ħela u jitwassal messaġġ ta’ kif nistgħu nipproteġu aktar l-ambjent u noħolqu affarijiet ġodda ‘mix-xejn’. Hu ppjanat li dawn l-ideat jitkomplew anke wara l-workshops billi jinħolqu ‘creativity corners’ fir-residenzi u s-servizzi differenti ta’ Fondazzjoni Sebħ u billi l-parteċipanti jitħeġġu japplikaw dawn il-ħiliet u ideat fil-ħajja ta’ kuljum.
Dan il-proġett jintemm f’Novembru 2023 permezz ta’ wirja tal-arti mtellgħa mill-parteċipanti, li tagħtihom l-opportunità jesprimu l-emozzjonijiet u jwasslu ħsibijiethom, kif ukoll jitwassal messaġġ ta’ diversità u inklużjoni. Il-proġett ‘See My Voice’ jkompli juri l-impenn ta’ Fondazzjoni Sebħ biex toħloq ambjent fejn persuni li jużaw is-servizz tagħha jkomplu jikbru, jiżviluppaw ħiliethom u jilħqu l-potenzjal u l-milja tagħhom, filwaqt li jirkupraw mill-weġgħat tal-esperjenzi li jkunu għaddew minnhom.