-
-
Il-Ġimgħa, 30 ta’ Ġunju 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ordna sitt saċerdoti ġodda, żewġ djoċesani (Ryan Lee Pace, Mark Spiteri u Sinclair Bugeja) u tliet reliġjużi (Aaron Zahra, Clive Camilleri u Ramon Farrugia), fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
-
Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq YouTube
-
-
L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
30 ta’ Ġunju 2017
Din l-ordni presbiterali qegħdin niċċelebrawha f’jum tassew solenni li fih il-Knisja tfakkar l-1950 anniversarju mill-martirju tal-appostlu Missierna San Pawl. Għalina l-Maltin dan l-anniversarju huwa anniversarju għażiż bħalma kien għalina ftit snin ilu għażiż l‑1950 anniversarju mill-miġja tiegħu fostna.
Il-liturġija tal-kelma li għadna kemm smajna tirrifletti dwar il-bidu tad-dixxipulat tal-appostlu Missierna, il-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù fit-triq ta’ Damasku u t-Tieni Qari hija riflessjoni tiegħu stess fl-ittra lil Timotju dwar it-tluq tiegħu. “Jiena ġa mxerred b’sagrifiċċju, is-żmien it-tluq tiegħi wasal, tqabbadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi” (2 Tim 4, 6-7). B’xi mod din hija sinteżi li l-appostlu jagħmel huwa nnifsu ta’ dak kollu li kien ifisser għalih li jkun dixxiplu ta’ Ġesù. Il-laqgħa tiegħu kienet laqgħa drammatika, kien persekutur tal-Knisja u l-ewwel mistoqisja li għamillu Ġesù hija propju din: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” “Min int, Mulej?” U r-risposta ta’ Ġesù tfakkarna fl-isem li Ġesù ġarr sa’ fuq is-salib: “jiena Ġesù ta’ Nazaret li int qed tippersegwita” (ara Atti 9, 4-5).
Nifhem li l-appostlu missierna żviluppa t-teoloġija tiegħu dwar il-Knisja bħala l-ġisem ta’ Ġesù, il-ġisem ta’ Kristu, ispirata anke minn din id-domanda tal-Mulej. Għax il-Mulej ma qallux: “għaliex qiegħed tippersegwita lid-dixxipli tiegħi?” Ma qallux: “għaliex qiegħed tippersegwita lill-Knisja tiegħi?” Il-Mulej qallu: “għaliex qiegħed tippersegwitani?” U minn jaf kemm-il darba l-appostlu Missierna ħaseb fuq dawn il-kelmiet, irrifletta fuqhom, u pprova jifhem lill-Mulej għaliex għażel dak il-kliem u qallu dak il-kliem.
“X’għandi nagħmel. Mulej?” Għeżież djakni, intom u ssiru presbiteri bit-tqegħid tal-idejn tal-isqof u bit-talba tal-Knisja, komplu staqsuh lill-Mulej dawn iż-żewġ domandi li għamillu l-appostlu Missierna fit-triq lejn Damasku: Min int, Mulej? X’għandi nagħmel, Mulej? Dawn huma żewġ domandi li b’xi mod jiftħu għalina r-relazzjoni speċjali li għandu jkollna ma’ Ġesù. Ġesù niltaqgħu miegħu f’ħafna toroq, mhux biss fuq it-triq ta’ Damasku – illum nitolbu b’mod speċjali għas-Sirja – imma niltaqgħu miegħu fit-triq ta’ kull persuna li laqqgħana magħha hu. Għaliex hu jiġi jiltaqa’ magħna f’kull persuna li trid tikkuntattjana jew għandha bżonn il-ħarsa, it-tbissima, il-ħlewwa, l-għajnuna tagħna. U nibqgħu nitolbuh jispjegalna hu tassew min hu. Min int, Mulej? X’għandi nagħmel, Mulej? X’inhi r-rieda tiegħek għalija?
Jimpressjonani ħafna l-fatt li l-esperjenza ta’ Sawlu fit-triq ta’ Damasku hija esperjenza ta’ dlam minħabba d-dija kbira tal-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù li twasslu għall-għarfien tad-dawl vera. “Ma stajtx nara minħabba fid-dija ta’ dak id-dawl. Mexxewni minn idi sħabi li kienu miegħi” (ara v. 8).
B’din l-espressjoni nixtieq infakkarkom kemm iltqajtu ma’ nies fit-triq tagħkom li mexxewkom minn idkom. Il-ġenituri tagħkom li wrewkom l-ewwel passi li għamlilkom kuraġġ biex ma tibqgħux ċiċċi beqqi imma tagħmlu, tniddu l-ewwel passi, li ferħu meta semgħukom tgħidu l-ewwel kelma u l-uġigħ ta’ ras li kellhom għax ma stajtux tieqfu imbagħad titkellmu, nimmaġinakom. Mexxewkom minn idkom sħabkom, il-ħbieb tagħkom, anke forsi min ma tantx kien ħabib tagħkom, mexxewkom minn idkom l-għalliema tagħkom, il-katekisti tagħkom, mexxewkom minn idejkom is-saċerdoti u l-patrijiet li intom iltqajtu magħhom u minnhom rajtu l-ġid. Il-Mulej forsi għaddiekom ukoll mid-dlam imma l-Mulej fil-ħniena tiegħu jaf joħroġ il-ġid mid-dgħufija tagħna l-bnedmin.
Il-Mulej mexxikom minn idkom biex intom tiltaqgħu mal-ħniena tiegħu. Jimpressjonani l-fatt li d-dixxiplu li mar jiltaqa mal-appostlu Missierna kien jismu Ħananija, il-Mulej iħenn. Ħananija huwa dak li laqqa’ lil Sawlu, il-persekutur, ma’ Ġesù, li mhux biss iħenn għalih imma jagħżlu. U Ħananija, lill-appostlu Missierna jgħidlu dawn il-kelmiet li nawgura jseħħu anke fil-ħajja tagħkom: “Alla ta’ missirijietna, għażlek biex tagħraf ir-rieda tiegħu. X’għandi nagħmel, Mulej? “Tara lil dak li hu l-Ġust, tisma’ leħen minn fommu” għaliex? “Għax int għad trid tixhed għalih u quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt” (ara Atti 22, 14-16),
Il-presbiterat, bil-ministeru tagħkom, intom imsejħin li tkunu xhieda. Wara kollox, il-martirju tal-appostlu Missierna hija x-xhieda tiegħu għal Ġesù li ma tistax tkun mingħajr is-salib, mingħajr it-tbatija tas-salib. Il-Knisja se tistedinkom wara l-ordinazzjoni tagħkom biex tfasslu ħajjitkom fuq il-misteru tas-salib tal-Mulej.
Mela l-Evanġelju tagħkom mhux se jkun Evanġelju ta’ prosperità, li jwiegħed lid-dixxipli l-illużżjoni li kollox se jkun ward u żagħar fil-ħajja. Se jkun l-Evanġelju veru tal-Mulej li ma staħax jgħidilna: “min irid jiġi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja”. U dak li qal lil Sawl, dak li qal lil Pietru jgħodd għalikom ukoll: “imxu warajja”.
Il-Knisja fil-bidu ta’ dan ir-rit staqsiet jekk jistqħoqqilkomx. U r-Rettur, f’isem il-Formaturi u Superjuri kollha tagħkom, iddikjara li jistħoqqilkom. Fir-rit orjentali tal-ordinazzjoni dan għandu rifless drammatiku. Meta l-isqof li jikkonsagra presbiteru orjentali waqt li qed ilibbes il-parimenti sagri, jiddikjara li l-kandidat ordnat ikun jistħoqqlu; l-għajta ta’ Aksios u l-poplu jkompli jgħid aksios aksios jistħoqqlu, jistħoqqlu. Ir-rit Latin, forsi b’realiżmu kbir, lill-isqof jgħallmu jgħid li hu qaddej mingħajr ma jistħoqqlu. B’xi mod, fl-ordinazzjoni fir-rit Latin, tibda billi jgħidu li jistħoqqlok u tispiċċa billi tiddikjara li ma jistħoqqlokx u b’xi mod hemm il-verità f’dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet liturġiċi fuq il-presbiteri u fuq l-isqfijiet. Għax aħna jistħoqqilna u ma jistħoqqilniex.
L-ordinazzjoni mhijiex Prize Day, mhijiex xi rikkonixximent ta’ xi bravura bħal dak li laħaq president u tawh il-premju Nobel għall-Paċi qabel beda u kellu jordna gwerra. Aħna m’aħniex qed nagħtukom xi rigal tax-xogħol li se tagħmlu, imma qegħdin nafdawkom f’idejn il-Mulej li sejħilkom. Jiena għażiltkom u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’. Il-Mulej qiegħed iwegħedkom li jkun magħkom dejjem.
Meta s-soċjetà iġġegħelkom tixorbu x-xorb velenuż tal-kalunja, tal-insulti u tad-disprezz, tibżgħux għaliex ma jagħmlilkomx ħsara jekk intom tibqgħu ma’ Ġesù.
Wara kollox, l-Evanġelju li ġie pproklamat llum fl-ordinazzjoni presbiterali tagħkom huwa l-Evanġelju li aħna nisimgħu ukoll kull 10 ta’ Frar. U l-Mulej qed jgħidilkom: “morru fid-dinja kollha xandru l-bxara t-tajba lill-ħolqien kollu” (Mk 16, 15). U qiegħed ukoll iwegħedkom li mhux biss ikun magħkom imma li l-kelma tagħkom tkun imsieħba bis-sinjali tal-ħniena tiegħu. “F’ismu keċċu x-xjaten, tkellmu bl-ilsna ġodda ta’ diversi mħabbiet, aqbdu s-sriep b’idejkom mingħajr ma tibżgħu mill-ħażen ta’ din id-dinja” (vv. 17-18) u ħafna drabi meta s-soċjetà iġġegħelkom tixorbu x-xorb velenuż tal-kalunja, tal-insulti u tad-disprezz, tibżgħux għaliex ma jagħmlilkomx ħsara jekk intom tibqgħu ma’ Ġesù. Fuq kollox uru l-ħniena tal-Mulej mal-morda tagħna, ma’ dawk li huma morda fiżikament u spiritwalment u li għandhom bżonn il-ħniena tal-Mulej, mhux biss bil-kelma u bis-sagramenti, imma wkoll bl-interċessjoni u bit-talb tagħkom.
Tibżgħux mill-lupu, tkellmu ċar, tagħmlux discounts mill-Evanġelju jew mit-tagħlim tal-Knisja. Dan huwa żmien li fih ix-xhieda tagħna trid tkun ċara, mimlija mħabba dejjem, mingħajr ma tiġġudika lil ħadd.
L-isqof, hu u jordnakom, il-Knisja tfakkru kemm hu dgħajjef, kemm għandu bżonn għajnuna, u fl-ordinazzjoni tagħkom, il-Knisja u l-Mulej jagħtu lill-isqof, lill-presbiterju, lill-poplu, l-għajnuna li għandna bżonn. Aħna ngħarfu li aħna dgħajfin, intom ukoll fl-umiltà li l-Mulej żejjinkom biha, qatt taħsbu li intom xi superman u li m’għandkomx bżonnu. Ftakru l-kelma tal-Mulej: “mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn”. Imma ftakru wkoll li jaħtarkom biex tkunu qaddejja tal-poplu tiegħu biex tbierku l-poplu tiegħu bis-sbuħija u r-rażan tal-imġiba tagħkom. Intom tridu tkunu eżempju lill-poplu, u bħalma jgħid Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu, intom tridu tkunu ragħajja tal-merħla billi tkunu eżempju għall-merħla. Tibżgħux mill-lupu, tkellmu ċar, tagħmlux discounts mill-Evanġelju jew mit-tagħlim tal-Knisja. Dan huwa żmien li fih ix-xhieda tagħna trid tkun ċara, mimlija mħabba dejjem, mingħajr ma tiġġudika lil ħadd, ċara, trankwilla, serena.
Il-Mulej iberikkom jagħnikom b’kull barka u nixtieqkom, kif għidtilkom diġà, titolbu waqt li intom tkunu prostrati, u titolbu x-xhieda tal-qaddisin biex ikunu magħkom, titolbu għall-vokazzjonijuiet. Illum il-Mulej tana d-don ta’ tliet saċerdoti djoċesani u tliet saċerdoti reliġjużi. Fil-Litanija se nitolbu l-barka ta’ San Franġisk u San Duminku flimkien u aħna llum għandna żewġ Franġiskani u Dumnikan; il-fundaturi tagħkom għeżież reliġjużi, jifirħu fil-għaqda spiritwali li dejjem kienet it-tradizzjoni tal-Ordinijiet tagħkom u jalla tkunu preżenza sabiħa fid-djoċesi u fid-dinja.
Lilkom, għeżież saċerdoti djoċesani, illum se twegħdu ħafna affarijiet, fosthom l-ubbidjenza lili u lis-suċċessuri tiegħi, ara ma jfettilkomx tinsew, għax jien m’iniex hawn għal dejjem. Imma din il-wegħda tkun għalikom il-ferħ tagħkom mhux il-piż ta’ ħajjitkom. Intelqu f’idejn il-Mulej, ħalluh jużakom għall-ġid tad-djoċesi u għall-ġid tal-Knisja. U minkejja d-dgħufija tagħkom, tinsewx li fit-triq ta’ ħajjitkom il-Mulej se jibgħat dixxipli li jgħinukom u isimhom se jkun Ħananija, il-Mulej iħenn.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Agħfas hawn biex tara jew takkwista r-ritratti tal-ordinazzjoni presbiterali ta’ sitt saċerdoti ġodda
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja