L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi appella lill-ġenituri biex ma jiddejqux milli jenfasizzaw il-valur tal-quddiesa lit-tfal mindu jkunu ta’ età żgħira.
F’intervista waqt il-programm Għal Kulħadd fuq RTK103, li jixxandar bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa bejn id-9am u nofsinhar, l-Isqof Awżiljarju stqarr li “jien naħseb li mindu t-tfal ikunu żgħar, mhux dejjem dak li tiżra taħsad imma jekk qatt ma tiżra, żgur m’intix se taħsad! Din tal-quddiesa tal-Ħadd nemmen li hija importanti u dejjem għandna nipprovaw nenfasizzaw il-valur sabiħ tal-quddiesa”.
Irrimarka li anke fl-aktar gżejjer imbiegħda, hemm knejjes li jattendu għalihom ħafna persuni u sostna li dan jikkonferma s-sbuħija u l-importanza tal-quddiesa għall-Kattoliċi.
L-Isqof Awżiljarju qal li kulħadd huwa liberu fl-għażla tiegħu għal-liema quddiesa jattendi għaliha u li l-knejjes fil-pajjiż irawmu ċertu sens ta’ komunità bejniethom.
Saħaq fuq ir-rabta bejn il-komunità u l-quddiesa li trawwem ċerti valuri ta’ rispett u mħabba lejn xulxin.
Mistoqsi minn semmiegħ li ilmenta li l-quddiesa ġieli tkun “monotona”, l-Isqof Awżiljarju qal li l-istil tas-saċerdot jaf ma tolqotx lil kulħadd u tenna fuq l-għażla libera li għandu kulħadd ta’ liema quddiesa jattendi għaliha.
Hu spjega li l-quddiesa hija ċelebrazzjoni ħajja filwaqt li l-omelija sservi ta’ messaġġ importanti ħafna.
Rigward l-attendenza fil-knejjes, l-Isqof Awżiljarju qal li ħafna knejjes fl-Ewropa qed jesperjenza tnaqqis fl-attendenza u li dan mhuwiex fenonemu esklussiv għal Malta, fejn ukoll qed tonqos l-attendenza matul il-quddiesa.
Hu qal li l-quddiesa hija ċelebrazzjoni tal-ħajja u llum il-ġurnata, isiru quddisiet speċjali li jiffokaw fuq it-tfal jew il-koppji miżżewġin li joffru esperjenza verament sabiħa.
“L-Innu Malti għandu messaġġi ta’ min jixtarrhom”
Mons. Galea Curmi fakkar li din is-sena, Malta se tiċċelebra 70 sena bħala pajjiż indipendenti u 60 sena bħala repubblika u li f’din is-sena, għandna nħaddnu l-imħabba lejn xulxin u s-saħħa komunitarja.
Hu appella biex l-Innu Malti jikkonsisti f’numru ta’ messaġġi li ta’ min jixtarrhom u li għandu jispirana nieħdu ħsieb ta’ xulxin, kemm fis-saħħa fiżika tagħna iżda lkoll fis-saħħa mentali tagħna.
Semma wkoll l-importanza tal-għaqda bejnietna, anke meta forsi ma naqblux ma’ xulxin, u tal-imħabba f’qalbna li għandha tħeġġiġna biex infittxu s-sewwa.
L-Isqof Awżiljarju rrefera għall-quddiesa li ċċelebra nhar is-Sibt li għadda fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, liema quddiesa saret b’mod speċjali għall-koppji miżżewġin.
Hu qal li l-Mulej isejħilna biex ningħaqdu f’patt etern ma’ persuna li verament inħobbu u nirrispettaw lill-maħbub tagħna, anke fl-aktar mumenti diffiċli għaliex il-Mulej dejjem huwa preżenti f’ħajjitna.
Il-Knisja kif taħdem mal-komunitajiet barranin Insara f’Malta?
Din il-ġimgħa tinzerta l-Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara u l-Isqof Awżiljarju spjega li din tikkonsisti f’ħafna attivitajiet madwar id-dinja u talb bil-għan li tħaddan il-paċi u l-imħabba bejnietna.
Hu rrikonoxxa li t-talb irid isir mas-sena kollha iżda li din il-ġimgħa hija speċjali, anke fl-isfond ta’ Malta li fl-aħħar snin esperjenzat żieda fil-popolazzjoni ta’ persuni barranin li jaf iħaddnu reliġjonijiet differenti.
Fakkar kif il-Monsinjur u Professur Hector Scerri nħatar bħala membru tal-Kummissjoni Internazzjonali Konġunta għad-Djalogu Teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa u li dan juri biċ-ċar ir-relazzjoni tajba bejn il-Knisja f’Malta u l-Knejjes ta’ pajjiżi oħra.
L-Isqof Awżiljarju semma kif meta komunità Nisranija f’Malta tikber biżżejjed, bħall-komunità Indjana jew dik Ortodossa, jintlaħaq qbil ma’ kappillan rispettiv biex dawn jużaw knisja f’Malta għall-qima tagħhom.
Hu ta eżempju tal-komunità Serba Ortodossa li jużaw il-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa u kif dawn kienu stiednuh meta l-Isqof tagħhom żar Malta fl-aħħar snin.
Mistoqsi dwar il-live-in ta’ tlett ijiem tal-kappillani, li se ssir dan ix-xahar, l-Isqof Awżiljarju qal li f’dawn il-ġranet, il-kappillanni jiddiskutu bosta suġġetti u din is-sena, se jitkellmu dwar il-ħidma tal-Knisja f’Malta.
Hu qal li dan jorbot mal-ħidma tal-Caritas u l-Kummissjoni Djakonija li tgħaqqad numru ta’ voluntiera li joffru għajnuna differenti lill-persuni fil-bżonn.
Is-sena li għaddiet, il-kappillani tal-Arċidjoċesi ta’ Malta rriflettew fuq it-tema ‘Il-ferħ li tkun saċerdot’ waqt il-live-in annwali. Newsbook.com.mt tkellem ma’ Fr Reuben Micallef, il-Kappillan ta’ Pembroke, dwar l-esperjenza tiegħu tal-live-in annwali tal-kappillani. Micallef, qal li n-nies kultant jinsew li l-“kappillani għandhom qalb u għandhom l-emozzjonijiet tagħhom.”
Sors: Newsbook Malta