It-titlu ‘sultan’ jew ‘re’, meta nużawh għal Kristu, għal ħafna min-nies ma jinftihemx. Għax aħna, ħafna drabi, f’moħħna l-idea ta’ sultan hu ta’ xi ħadd tal-passat, li taqra fuqu fl-istejjer; jew inkella xi ħadd li għandu pożizzjoni importanti, ta’ unur, imma mingħajr effett reali fuq il-ħajja tan-nies. U Ġesù Kristu la hu xi ħadd tal-passat biss, u lanqas għandu jkun xi ħadd mingħajr influwenza fuq il-ħajja tan-nies.
Isaltan mis-salib
Fejn nistgħu nifhmu tassew x’jiġifieri Ġesù Kristu Re? Nifhmuh l-aħjar dan it-titlu jekk aħna nħarsu lejn Ġesù Kristu msallab. Għax Kristu fuq is-salib għandu dan it-titlu li għamlulu: “Ġesù Nazzarenu sultan tal-Lhud”. Pilatu li għamillu dan it-titlu ma kienx qed jifhem sew x’jiġifieri ‘Ġesù Kristu sultan’. Imma meta waħħallu dak it-titlu, fil-fatt kien titlu veru għax hu fuq is-salib li nistgħu nifhmu min hu Ġesù Kristu sultan. Fuq is-salib hu rebaħ il-mewt. Rebaħ il-mewt biex iqum għall-ħajja u biex jagħtina l-ħajja lilna lkoll. Fuq is-salib Ġesù hu ċ-ċentru tal-istorja tal-umanità. Hu sultan mhux biss tal-Lhud imma s-sultan tal-bnedmin kollha u s-sultan tal-ħolqien kollu.
U fuq is-salib Ġesù jagħmel stedina lilna lkoll li nimxu warajh. Dejjem hi stedina; għalhekk, meta nħarsu lejn Kristu msallab, qatt ma jġiegħel lil ħadd. Jistedinna biex nissieħbu miegħu fl-istess stil tal-ħajja tiegħu, f’din is-saltna tiegħu. Ftit ieħor, f’talba li ngħidu fil-quddiesa, se ngħidu li s-saltna ta’ Alla hi “saltna ta’ verità u ħajja, ta’ qdusija u grazzja, ta’ ġustizzja, imħabba u sliem.” Kultant, meta nisimgħu dan il-kliem għas-saltna ta’ Alla, ngħidu: proprjament fejn qegħdin dawn? Fejn hi l-imħabba, il-ġustizzja? Fejn hi s-saltna ta’ Alla?
Ħu sehem fis-saltna
It-tweġiba li jagħtina llum Ġesù hi din: tħarisx lejn l-oħrajn jew madwarek u tgħid “Fejn hi l-imħabba? Fejn hi l-ġustizzja? Fejn hi s-saltna ta’ Alla?” Ibda int l-ewwel ħobb, ibda int l-ewwel kun ġust, għix dan il-kliem ta’ Ġesù, imbagħad isseħħ is-saltna ta’ Alla permezz tiegħek. Is-saltna ta’ Alla sseħħ permezz ta’ kull min jgħix il-kelma ta’ Ġesù fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk ma għandniex inħarsu lejn l-oħrajn jew nilmentaw: “Fejn qiegħda s-saltna ta’ Alla?” Is-saltna ta’ Alla qiegħda fostna, fina, jekk aħna ngħixu l-kelma ta’ Ġesù.
Ngħiduha aħna stess is-saċerdoti. Nixtiequ mmorru naraw il-morda l-isptar, nixtiequ narawhom fid-djar, imma għalissa ma nistgħux. Anzi nafu li, jekk veru nħobbuhom, inżommu u nirrispettaw il-miżuri tad-distanza soċjali u miżuri oħra
U l-Evanġelju tal-lum jurina b’mod tassew prattiku, konkret, kif nistgħu ngħixu din il-kelma ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna. Meta jgħid: kont bil-ġuħ, bil-għatx, marid, barrani, għeri, fil-ħabs, u intom waqaftu miegħi – Ġesù qed isemmi affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum li aħna nistgħu nagħmlu u permezz tagħhom ngħixu s-saltna ta’ Alla. Ġesù jidentifika ruħu ma’ dawk in-nies li qegħdin fil-bżonn. Għalhekk jgħid: “dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. Għalhekk għall-mistoqsija “kif isaltan Ġesù, fejn hi s-saltna tiegħu?”, hi f’min jgħin lil min hu bil-ġuħ, bil-għatx, marid, fil-ħabs, għeri, barrani. Dawk kollha li qed jagħtu għajnuna lil min hu fil-bżonn, permezz tagħhom qed titwettaq is-saltna ta’ Alla.
Aħna nafu li kultant mhux faċli dan li jsemmi Ġesù hawnhekk. Imma Ġesù jgħinna biex aħna nwettquh tassew fil-ħajja tagħna. Ġesù ma taniex il-permess li nikkanċellaw xi wieħed minn dawn l-opri tal-ħniena. Meta qal: “kont barrani u lqajtuni” jew inkella, lil dawk tan-naħa l-oħra, “ma lqajtunix”, dik ukoll hi kelma li qal Ġesù. M’għandniex dritt nikkanċellawha minn hemm. Inqas u inqas ma għandna dritt, aħna li nemmnu f’Ġesù, li b’xi mod lill-barrani ninsulentawh. F’dak il-każ Ġesù jgħid: “kont barrani u insulentajtuni” u, jekk nagħmlu hekk, inkunu bħal dawk li kienu taħt is-salib jinsulentaw lil Ġesù msallab.
Is-saltna waqt il-pandemija
Dan il-kliem ta’ Ġesù nistgħu ngħixuh fil-ħajja ta’ kuljum b’modi differenti. Din is-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha bħalissa tal-pandemija ħolqitilna ħafna problemi, anke dwar kif nistgħu ngħixu dan. Pereżempju, “kont marid u ġejtu tarawni” – kif tista’ żżur il-morda jew lanqas tista’ tmur għandhom? Ngħiduha aħna stess is-saċerdoti. Nixtiequ mmorru naraw il-morda l-isptar, nixtiequ narawhom fid-djar, imma għalissa ma nistgħux. Anzi nafu li, jekk veru nħobbuhom, inżommu u nirrispettaw il-miżuri tad-distanza soċjali u miżuri oħra, jekk veru nħobbuhom u nixtiequ nħarsu l-ħajja u s-saħħa tagħhom. Għalhekk kultant irridu nsibu modi oħra kif nistgħu ngħixu l-kliem ta’ Ġesù. U hemm modi kif nistgħu ngħixuh. Anke jekk xi ħadd hu waħdu, forsi ma tistax tmur ħdejh toqgħod tisimgħu, imma hemm mezz kif tista’ tagħmel kuntatt, tisimgħu, u turih li mhuwiex waħdu fis-sitwazzjoni diffiċli li qiegħed fiha. Anke jekk xi ħadd għandu xi bżonn, hemm mezz kif nistgħu aħna naqdu dan il-bżonn fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu, imma qatt ma nħallu fil-ġenb dan il-kliem ta’ Ġesù li nuru mħabba tassew speċjalment lil dawk li huma fil-bżonn.
Meta ngħixu dan il-kliem, nindunaw li f’qalbna jagħtina ħafna paċi. Il-kliem ta’ Ġesù għandu dan marbut miegħu: meta int tgħixu tassew, bħal pereżempju taħseb f’xi ħadd fil-bżonn, dan jagħtik ħafna paċi u ferħ. Anke jekk in-nies ma jafux, u mhijiex fl-aħbarijiet, ikollna ħafna sodisfazzjon meta aħna naħsbu f’dawk li huma fil-bżonn u hemm ngħixu dik l-imħabba li Ġesù ried iwassal. Għalhekk ħalaqna l-Mulej, mhux biex ningħalqu fina nfusna.
Nitolbu l-grazzja lill-Mulej li, aħna u niċċelebraw il-festa ta’ Kristu s-Sultan tal-ħolqien kollu, aħna u nħarsu lejh fuq is-salib, nitolbuh li ngħixu bħalu dik il-ħajja li hi vallapena tgħix hawn għax mimlija mħabba sħiħa lejn l-oħrajn u twassalna wkoll għall-ħajja ta’ dejjem.