L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għadna kemm smajna serje ta’ kliem ta’ Ġesù, li mhux bilfors maqgħudin flimkien fi storja waħda. Imma bħalma jiġri f’ċerti paġni mill-Evanġelju ta’ San Mattew, jagħtina kliem li qal Ġesù li ftakrithom il-komunità u li ħassew kien hemm bżonn mhux biss jibqgħu jiftakruhom imma jibqgħu wkoll jgħadduhom minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Huma kliem li ħafna drabi nsibuha diffiċli nifhmuhom. Imma xi tfisser tħobb lil missierek, lil ommok inqas milli tħobb lil Ġesù? Xi tfisser tħobb lil ibnek u lil bintek inqas milli tħobb lil Ġesù? (ara Mt 10:37). Mhux dan il-kmandament t’Alla li tħobb lil ommok u ’l missierek? Huwa r-raba’ kmandament. X’inhu jgħid Ġesù? Forsi biex nifhmu l-kelma ta’ Ġesù rridu nifhmu wkoll li kienet qed tinqara meta nkitbet lin-nies li kienu ppersegwitati, li kellhom jagħmlu għażla. Ġesù qed jgħid, u l-kelma ta’ Ġesù tagħmlilhom kuraġġ, biex ma jċedux fil-prinċipji anke jekk ommok u missierek jiċħduk, jekk uliedek jiċħduk.
Ġesù jippreżenta ruħu ta bħala l-Iben t’Alla. Nistaqsu lilna nfusna imma meta jkollna l-għażliet tagħna xi jmexxina l-iżjed? Nirrealizzaw kemm għandna bżonn il-qawwa ta’ prinċipji li rridu nżommu magħhom anke f’diffikultà kbira, kważi kważi anke ta’ persekuzzjoni sottili. Il-Mulej ma jinsiex dil-ħaġa u magħha jgħodd barka kbira. Ħafna drabi mingħajr ma trid donnok titlef ħajtek u Ġesù jgħidlek: ‘Tibżax, issibha’. Il-Mulej jidħol garanzija lil kull min jibqa’ sod fil-prinċipji tiegħu akkost ta’ kollox. Hu jagħmel minnu għajn ta’ barka għalih, għall-familja tiegħu, għall-ġens tiegħu.
… nitolbu biex ikollna soċjetà li tkun dejjem iżjed inklussiva u li għandha spazju għal kulħadd.
Ġesù jitkellem ukoll fuq dil-kapaċità li nilqgħu lil xulxin u anke nilqgħu lilu (Mt 10:40). Issa huwa għallimna nilqgħuh meta nilqgħu lill-proxxmu tagħna. Illum qegħdin f’momunent li permezz tiegħu l-poplu Malti u Għawdxi qed iwettaq kuljum il-kelma ta’ Ġesù. Aħna nifirħu u nitolbu biex ikollna soċjetà li tkun dejjem iżjed inklussiva u li għandha spazju għal kulħadd. Din l-oasi ta’ akkoljenza, ta’ kura, u ta’ sostenn hija stqarrija li aħna nilqgħu lil kulħadd, ma nwarrbu lil ħadd. Din hija stqarrija għażiża ħafna. Jalla l-poplu Malti jibqa’ jkollu l-barka ta’ ambjenti bħalma hi d-Dar tal-Providenza. F’Malta għandna diversi. Id-djar kollha li tmexxi d-Dar tal-Providenza huma uħud mill-ħafna ambjenti f’pajjiżna fejn aħna nilqgħu tassew lil xulxin.
Ġesù wkoll jinsisti mhux biss fl-imħabba lejh u li wieħed ikun lest jagħmel is-sagrifiċċju għall-prinċipji tiegħu, mhux daqshekk negattiv. Jitkellem ukoll fuq il-ħlas. Min jaf kemm-il darba nkunu fil-bżonn u xi ħadd jgħinna u niftakru fil-kelma li Ġesù qal illum: “Imqar jekk tagħti tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħas tiegħu” (Mt 10:42). Kultant lill-Mulej ingergrulu mhux ftit. Niltaqa’ ma’ nies li jsaqsuni għaliex, pereżempju, ġiet fuqhom it-tali marda jekk jagħmlu ħafna ġid. Jew inkella għaliex it-tifel m’għaddhiex mill-eżami jekk tagħmel il-karità? Kultant aħna nagħmlu l-kalkoli mal-Mulej. U l-ħlas tiegħu jiġi b’mod misterjuż.
Allura, minflok nidħlu f’negożjati mal-Mulej, ejjew nintelqu f’idejn il-providenza tiegħu imma nagħmlu l-kuraġġ mill-kelma li jagħtina llum. L-ewwel qari (2Slat 4:8-11) jagħtina l-eżempju ta’ dik il-mara li ma kelliex tfal u laqgħet lil Eliżew u bi tpattija, kellha l-barka tal-ulied. Il-kelma ta’ Alla li tħares lejn l-ulied bħala barka.
Wara kollox il-ġenituri ta’ dawn ir-residenti hawnhekk, jaraw lil uliedhom bħala barka. Aħna wkoll inqisuhom barka. Nixtiequ nserrħu ras il-ġenituri tagħhom li bħala soċjetà, bħala Knisja, aħna se nidħlu biex nieħdu ħsiebhom, serrħu raskom! Il-kelma ta’ Ġesù li nilqgħu lil xulxin, aħna se ngħixuha wkoll għal uliedkom. Nixtieq inserraħ il-moħħ u l-qalb tal-ġenituri ta’ dawn ir-residenti għeżież tagħna: toqgħodux tinkwetaw, nieħdu ħsiebhom aħna, aħna u ta’ warajna. Din hija xi ħaġa li l-poplu Malti kollu ilu jagħmilha u jibqa’ jagħmilha għaliex il-kelma ta’ Ġesù hawnhekk, fid-Dar tal-Providenza, issir ħajja. Jalla dan il-valur sabiħ li nilqgħu lil kulħadd, hu kif inhu, imżejjen kif inhu mżejjen, jalla dan il-kelma tibqa’ tkun realtà fil-pajjiż tagħna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Slat 4, 8-11.14-16a
Salm: 88 (89), 2-3.16-17.18-19
Qari II: Rum 6, 3-4.8-11
L-Evanġelju: Mt 10, 37-42