-
-
Nhar l-Erbgħa 11 ta’ Novembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, iċċelebra Quddiesa għall-istudenti tal-Università ta’ Malta li se jiggradwaw fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Quddiesa saret fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Kon-katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
11 ta’ Novembru 2015
L-ewwelnett nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom illejla. Ngħidilkom il-verità, minħabba l-arranġamenti tas-sikurezza għas-summit għidt: ‘nispera li jkun hemm xi ħadd, almenu xi erbgħa jew ħamsa’. Imma nirringrazzjakom li għamiltu l-isforz żejjed u forsi mxejtuha iżjed milli kontu qed tippretendu, biex inġbarna llum flimkien.Kieku jkolli niġbor fi frażi waħda din iċ-ċelebrazzjoni tal-lejla, niftakar mal-ewwel fil-ġest ta’ dak is-Samaritan li Ġesù jfaħħar fil-Vanġelu li għadna kemm smajna (Lq 17, 11-19), fejn is-Samaritan jirritorna għand l-Imgħallem biex jgħidlu grazzi. Nixtieq nirringrazzjakom tad-deċiżjoni, li nimmaġina hija mhux biss ħielsa u deliberata tagħkom, imma wkoll għażla ta’ fidi li għamiltu llum biex tiġu quddiem il-Mulej u tgħidulu grazzi.
Hija parti miċ-ċeremonjal tal-graduation, li nifhem li hi mħollija f’idejn l-għażla libera tagħkom u għalhekk il-preżenza tagħkom hawnhekkk, lili bħala Isqof tagħkom, tagħmilli ħafna kuraġġ. Minnha rrid nieħu spunt biex tippermettuli anke nfakkarkom fir-responsabbiltà tagħkom.
Qabel xejn nixtieq nifirħilkom u nifraħ magħkom għax il-jum ta’ gradwazzjoni għal kull student huwa mument ta’ sodisfazzjon, u filwaqt li nsellem lill-professuri tagħkom, lill-għalliema tal-Università, lill-Università għażiża ta’ Malta, l-Alma Mater, dik l-omm ħelwa ta’ kull student tagħha. Iżjed ma titbiegħed mill-Università iżjed tapprezzaha, bħal familja, kważi bħal ġenituri, kultant anke bħall-Knisja. Jiena nimmaġina li għandkom l-għażliet tagħkom, anke għażliet ta’ fidi u ta’ prattika reliġjuża.
Illum nistedinkom taħsbu ftit fuq din il-proposta li se nagħmlilkom. Veru issa għandkom futur mhux biss minħabba r-rikonoxximent akkademiku li ħadtu, imma anke l-istudji li għamiltu joffri futur miftuħ f’diversi professjonijiet. Il-proposta tiegħi bħala ragħaj tagħkom, la intom ġejtu hawnhekk għax ridtu, hija li ma tinsew qatt id-dimensjoni spiritwali fil-ħajja tagħkom. Intom professjonisti, ċittadini, ‘il quddiem jekk mhux diġa jkollkom il-familja tagħkom jew il-household tagħkom, tinsewx li intom ukoll Insara. In-Nisrani huwa dak li għandu l-barka tal-fidi. Għas-Samaritan, il-fidi li salvatu kien ġest ta’ gratitudni. M’hemmx għalfejn ikollok fidi elaborata ħafna biex inti ma’ Ġesù diġà tħossok at home.
Jekk aħna nħarsu lejn il-Vanġelu ninnutaw li l-grupp tal-lebbrużi ħassu mhux biss fil-periferija tas-soċjetà għax hekk kienet titlob il-liġi soċjali imposta minn Mosè, imma kien eskluż minn kull kuntatt soċjali. U t-talba ta’ dawn l-għaxar lebbrużi lil Ġesù ma kienitx biss talba għall-fejqan fiżiku imma wkoll għall-integrazzjoni fis-soċjetà. Il-karba tagħhom kienet li ma jibqgħux fil-periferija imma jerġgħu jkunu parti integrali u attiva fis-soċjetà. U l-Mulej jisma’ l-karba tagħhom, jersaq lejhom u bil-fejqan li jagħtihom jerġa jirrestitwihom lis-soċjetà. Għalhekk l-esiġenza: “morru għand is-saċerdoti” (v. 14) għax is-saċerdoti kellhom ir-rwol li jiċċertifikaw il-fejqan komplet mill-lebbra u għalhekk ikunu jistgħu jintroduċu mill-ġdid lil dawk li huma mfejqa fi ħdan is-soċjetà. Wieħed minnhom, qabel jiġi ċċertifikat bħala mfejjaq, jirrealizza li huwa fieq u għandu dejn ta’ gratitudni.
Jiena nixtieq nawguralkom li l-laqgħa tagħkom mal-Knisja u ma’ Ġesù, fuq kollox ma’ Ġesù, tkun dejjem laqgħa li ġġibilkom fejqan, serħan, paċi u stimolu għas-servizz. Li meta tiltaqgħu verament ma’ Ġesù f’ħajjitkom, anke fis-sagramenti tal-Knisja, fil-laqgħa ta’ nhar ta’ Ħadd meta nisimgħu l-Kelma tiegħu u nitqarbnu, jekk hemm bżonn inqerru, intom terġgħu tieħdu spinta ġdida biex tkunu tassew ta’ servizz.
Jiena għandi lista ġenerika ta’ diversi fakultajiet rappreżentati minnkom illum u nixtieq ngħid kelma qasira lil kull kategorija ġenerika. Quddiemi hawn rappreżentanzi, naħseb kbar ukoll, tal-fakultà tal-mediċina u kirurġija, tal-kirurġija dentali tax-xjenzi tas-saħħa.
Dalgħodu kont fi skola sekondarja tal-Istat, u jiena meta jistednuni fi skola ngħidilhom li ma nixtieqx noqgħod inqaddes għax inkella jaħsbu li l-qassis u l-Isqof huwa fabbrika tal-quddies. Jiena nippreferi niddjaloga mal-istudenti u kelli siegħa djalogu ma’ dawn iż-żgħażagħ, fourth u fifth formers, xi darba lkoll konna f’dik l-età, u kien hemm mistoqsija li laqtitni u għalhekk qed insemmieha. Xi ħadd minn dawn iż-żgħażagħ qal: “issa li t-tagħrif tax-xjenza kiber u n-nies naqset mill-fidi…”. U jiena din il-premessa xegħlitli l-bozza ħamra għax warajha hemm il-premessa li hemm inkompattibilità bejn ix-xjenza u l-atteġġjament ta’ fidi. Jekk inti u tiggradwa mill-Università, għad għandek idea tal-fidi bħala maġija, jew għadek temmen f’Alla tipo Harry Potter imma antik, allura hawnhekk se jkollna l-problemi kbar, għax jiena ma nlumekx li inti u tkabbar moħħok fl-għarfien tax-xjenzi naturali, mediċi, tibda tgħid: ‘isma, l-atteġġjament ta’ fidi maġika huwa pwerili, antikwat u assolutament irrelevanti’.
Jiena llum nixtieq nisfidakom, nies ta’ xjenza, nies li intom jekk ma tarawx xi ħaġa quddiemkom ma temmnuhiex, u b’xi mod ulied spiritwali ta’ Tumas, li qal: “jekk ma narax, jekk ma npoġġix sebgħi fil-pjagi tiegħu, jiena ma nemminx” (ara Ġw 20, 25). U Tumas għandu dixxendenza spiritwali qawwija ħafna. Imma jiena nisfidakom biex tikbru u timmaturaw fil-fidi tagħkom, temmnux f’Alla Babbo Natale, temmnux f’Alla li tixgħellu x-xemgħa biex tgħaddi mill-eżami. Tgħiduli: ‘issa għall-grazzja t’Alla dawk għaddew’. Imma hemm min se jispeċjalizza, u ċert ukoll li meta tibdew intom teżaminaw lil ħaddieħor, ikollkom tixegħlu iżjed xemgħat għax l-eżaminatur jgħaddi minn tensjoni iżjed milli jgħaddu l-istudenti – qed nitkellem mill-esperjenza. Dan għaliex l-achievement tal-istudent huwa l-glorja tal-professur u d-diżastru tal-istudent, sħabek jibdew iduru lejk u jgħidu: ‘mela inti diżastru bħalalecturer, jekk l-istudenti diżastru’. Jiġifieri aħna dejjem se jkollna bżonn l-interċessjoni tal-qaddisin u nitolbu xi pjaċir lil Alla, imma Alla mhux ministru tal-gvern għall-grazzja t’Alla.
Il-fidi tagħna trid tmur lil hemm minn sempliċement Alla li huwa Deus ex machina li jsolvili l-problemi, jew inkella li għamilt xi waħda u t-tfajla tgħid: ‘Sinjur Alla agħmel li ma ninqabadtx’ u l-ġuvni jgħid: ‘jien għadni żgħir wisq biex inkun missier’. Jiġifieri mhuwiex Alla li jsolvilek il-problemi hekk! Imma l-fidi tagħna trid tkun iżjed soda. Dik tas-Samaritan bdiet b’ġest ta’ gratitudni, huwa ġest razzjonali kważi, għaliex il-fidi mhijiex kontra r-raġuni, il-fidi tmur lil hemm imma għandha bżonn ir-raġuni biex ma ssirx superstizzjoni jew estremiżmu.
Għalhekk intom, nies ta’ xjenza, agħtu servizz lill-Knisja bix-xjenza tagħkom, u lil dawk tal-mediċina u l-kirurġija, kunu dejjem għas-servizz tal-ħajja sa mill-bidu nett tagħha, fit-tnissil u l-konċepiment sal-aħħar nifs. Irrispettaw id-dinjità tal-bniedem u jekk intom qegħdin hawn, temmnu li Alla huwa sid il-ħajja u mhux aħna. Ejjew ma nagħmlux lilna nfusna allat li niddeċiedu min se jgħix u min se jmut. Nesprimi frażi bl-Ingliż li qal m’ilux il-Kardinal Nichols, l-Arċisqof ta’ Westminster ta’ Londra: “The right to die is somebody else’s duty to kill”. Tidħlux biex toqtlu lil xi ħadd imma kunu dejjem għas-servizz tal-ħajja, veru tal-kwalità tal-ħajja.
Il-kelma li għandi għal dawk li jirrappreżentaw il-fakultajiet tal-ekonomija, l-management u l-accountancy hija li jmexxu ekonomija li għandha ruħ u mhux biss il-flus bħala l-uniku mezz u l-uniku għan li jiġġustifika l-attività ekonomika. L-ekonomija għandha iżjed minn qatt qabel bżonn ta’ etika, ta’ ruħ, biex ma tkissirx lill-bniedem imma tkun sinjal ta’ veru progress. Tgħiduli: ‘aħna se ngħoddu l-flus ta’ ħaddieħor’, jiena ngħid: ‘jalla jkollkom il-flus tagħkom x’tgħoddu’. Imma intom qegħdin ukoll mhux biss fl-arti tal-ekonomija imma fl-arti li permezz tal-ekonomija l-bniedem sħiħ isib il-progress veru tiegħu. Kif nistgħu nitkellmu fuq il-progress veru tal-ekonomija jekk f’pajjiżna jibqa’ jkollna fabbriki fejn hemm l-islave labour? Possibilment imħallas minn ħaddieħor, imma fuq l-art tagħna, taħt imneħirna! Kif nistgħu ngħidu li aħna għandna l-valuri fis-sod jekk parti tant kbira tal-ekonomija tagħna hija bbażatha fuq il-gaming li jirrendi lil ħaddieħor skjav u addict? Kif jista’ jkun li aħna nkunu tassew kburin bina nfusna jekk l-uniku kriterju tal-valur tal-bniedem hu kemm għandu flus, jew kemm għandu poter?
Ma nistax ma ngħidx kelma lil dawk li huma mill-fakultà tal-Ambjent Mibni. Il-weekend li għadda kont f’parroċċa u kont qed namministra s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof, u kien hemm żgħażugħ, deher spontanju u intelliġenti, u ġieni li nistaqsih: “inti x’tixtieq tagħmel meta tikber?” Qalli: “perit, irrid inkun perit”. Għidtlu: “ħu paċenzja, ibnilna affarijiet sbieħ”. Ngħidha lilkom ukoll. U għidtlu: “agħmilli pjaċir tibnix fuq l-ODZ”. Qalli: “Open Development Zone”. Interpretazzjoni ġdida din! Minn Outside Development Zone saret Open Development Zone! Din hija traġedja għal pajjiżna, meta aħna nagħmlu l-liġijiet u nkunu l-ewwel nies li nikkalpestawhom. Nitlobkom bil-ħniena wkoll li tkunu skruplużi u tħarsu l-patrimonju sabiħ arkitettoniku li għandna. Ma nagħmlux l-affarijiet ta’ kafkaf jew inkella amateurish u nagħmlu ħsara irriversibbli lil binjiet li gawdejnihom għal tlett mitt sena mingħajr ma ħaffirnihom, biex nagħmlu ftit dwal ta’ Las Vegas fuqhom. Qed ngħabbikom bir-responsabbiltà. Tinżlux għarkubbtejkom quddiem il-poter li m’għandux valuri.
Nindirizza wkoll lis-School of Performing Arts. Jiena nammira l-kapaċità ta’ nies li permezz tal-ġisem tagħhom, tal-moħħ tagħhom, tar-ruħ tagħhom, jesprimu dak li aħna l-bnedmin m’aħniex kapaċi nesprimu bil-kliem. Jesprimu l-ineffabbli. Nitlobkom biss li waqt li tesprimu l-arti tagħkom, tirrispettaw ukoll u qatt ma tiddisprezzaw lil ħadd.
Jiena nirringrazzjakom ħafna tal-attenzjoni tagħkom il-lejla, persważ li fhimtu dak li għidt u anke dak li m’għidtx u nawguralkom li dak li ggwadanjajtu bl-istudju tagħkom, ikun opportunità ta’ progress għalikom imma wkoll barka għal pajjiżna, għas-soċjetà u għall-Knisja. Grazzi f’isem Ġesù.
✝ Charles J. SciclunaArċisqof ta’ Malta