“Meta tkun qed tippakkja għall-btajjel tas-sajf, ħalli spazju għall-vanġelu fil-bagalja tiegħek”. Dak kien l-appell tal-Papa Benedittu XVI meta fi Pjazza San Pietru talab it-talba tal-Angelus. Ir-riflessjoni tiegħu dwar il-vaganzi tas-sajf ngħatat bil-Franċiż.
Il-Papa spjega li “btala mhix sempliċiment li wieħed iħalli kollox u jistrieħ, imma hi dwar esperjenza li fiha wieħed jgħix relazzjoni pożittiva ma’ dawk kollha li jħobb, f’relazzjoni dinamika ma’ Alla”.
Benedittu XVI rrefera għall-messaġġ tal-Vanġelu tal-Ħadd, minn Kapitlu 11 skont San Mattew, li jindika l-ħtieġa tal-mistrieħ u s-serenita. Kompla li “Ġesu jistedinna nirrikorru għandu u nagħtuh il-fiduċja tagħna. Li nafdaw fil-preżenza ta’ Ġesu, tagħtina lkoll is-serenita ta’ xi ħadd li tassew jaf x’jiġifieri li tkun maħbub mill-missier. Poġġu l-enfasi fuq il-qari tal-Kelma t’Alla, speċjalment tal-Vanġelu, li għandu jsib postu mal-affarijiet essenzjali fil-bagalja li wieħed iġorr miegħu għall-btala”.
Bl-Ingliż il-Papa għadda wkoll dan il-messaġġ. “F’daż-żmien tas-sena meta ħafna minna jieħdu l-btala annwali tagħhom, nitlob li kull individwu jirnexxielu jiġġedded, mhux biss fih innifsu fiżikament, iżda wkoll spiritwalment”.