JINQERED KURĊIFISS, KATTOLIĊI JINDARBU FIL-VJETNAM
F’Dong Chiem, numru ta’ kattoliċi indarbu mill-pulizija f’attentat biex iżommu lill-awtoritajiet milli jeqirdu kurċifiss fiċ-ċimiterju tal-parroċċa. Il-kurċifiss inqered għal kollox bl-isplussivi nhar l-Erbgħa. L-insara pruvaw iżommu milli jsir dan, pero irriżulta li għadd kbir ta’ pulizija u forzi għaż-żamma tal-ordni żammewhom u saħansitra sawtuhom. Fr John Le Trong Cung, Viċi-Kanċillier għall-Arċidjoċesi ta’ Hanoi, qal li mill-inqas 12-il persuna ssawwtu b’mod mill-iktar kiefer, tnejn minnhom saħansitra indarbu serjament u kellhom jittieħdu f’ċentru tas-saħħa b’urġenza għall-kura, fejn sfortunatament din kienet imċaħħda lilhom. Kienu biss xi saċerdoti li wara ħaduhom l-isptar Viet Duc. L-Arċidjoċesi kkundannat dan li sejħet “sagrileġġ” u qalet li hu kollu ta’ offiża għall-fidi kattolika. Fr Le Trong Cung temm jgħid li l-għolja fejn kien hemm il-kurċifiss kienet proprjeta tal-parroċċa għall-aħħar seklu.
KNEJJES INSARA ATTAKKATI FIL-MALASJA
Diversi knejjes Protestanti u Knisja Kattolika kienu attakkati nhar l-Erbgħa bil-lejl f’Kuala Lampur. L-attakki seħħew sigħat wara li l-Gvern ħabbar li se jkun qed idaħħal mill-ġdid ban li kien jipprojbixxi lil dawk mhux Musulmani milli jużaw il-kelma ‘Allah’. Musulmani f’dal-pajjiż jikkostitwixxu 60% mill-popolazzjoni sħiħa ta’ 28 miljun persuna fil-pajjiż.
JINQATLU SITT INSARA EĠIZZJANI FL-EĠITTU
Sitt insara Ortodossi Kopti u gwardjan tas-sigurta Musulman inqatlu meta kienu ħerġin mill-quddiesa ta’ nofsillejl tal-Milied fi sparer l-Erbgħa bil-lejl f’Nag Hammadi. Minn ħafna knejjes Ortodossi, dis-sena l-Milied kien iċċelebrat il-Ħamis u sfortunatament, kien immarkat bi traġedja hekk kif il-komunita żammet il-funerali ta’ dawn il-vittmi. Il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Għaqda Nisranija, il-Kardinal Walter Casper, bagħat ittra lill-Patrijarka Ortodoss Kopt Shenouda III ta’ Alessandrija u lis-Sede ta’ San Marku, u esprima solidarjeta mal-komunita kollha. Qal li l-insara kollha “għandhom jingħaqdu quddiem l-oppressjoni u flimkien ifittxu l-paċi li jista’ jagħti biss Ġesu. Kull darba li l-insara jsofru inġustizzja, ikun qed jindarab l-istess Ġisem ta’ Kristu li dawk kollha li jemmnu iżommu quddiemhom fit-twemmin”. Il-vittmi jinkludu tfajjel ta’ erbatax-il sena, koppja, u ġuvni fuq l-għoxrin sena. Disa’ insara oħra indarbu meta tliet irġiel armati b’armi tan-nar sparaw fuqhom minn karozza fl-istess lejl.