-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Knisja Ġesù Nazzarenu, iż-Żejtun
20 ta’ Ottubru 2018 -
Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, fl-ewwel kapitlu, insibu dik il-mistoqsija li qisha ta’ introduzzjoni għal dak li ġej aktar tard, li Natanjel jagħmel meta d-dixxiplu Filippu mar jgħidlu: Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè u l-profeti, Ġesù ta’ Nazaret. Natanjel jistaqsi: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” (Ġw 1:46). U lejn l-aħħar tal-Evanġelju, naraw lil Ġesù msallab fuq is-salib bl-iskrizzjoni: “Ġesù ta’ Nazaret, is-Sultan tal-Lhud” (Ġw 19:19). Qisu hemm fit-tarf lejn l-aħħar tal-ħajja ta’ Ġesù r-risposta għall-mistoqsija ta’ Natanjel: iva, tista’ toħroġ xi ħaġa tajba, u iktar minn ħaġa tajba. Minn Nazaret ħareġ is-Sultan tal-Lhud.
U aħna nafu li r-risposta sħiħa kienet iktar minn hekk, għax is-salib ma kienx l-aħħar kelma għal Ġesù, ma kienx it-tmiem ta’ kollox. Ġesù qam mill-mewt, u l-Ewwel Tħabbira tgħid proprju hekk: Ġesù ta’ Nazaret rebaħ il-mewt. Hu mhux biss is-Sultan tal-Lhud, imma s-Salvatur tal-bnedmin kollha. Hu dak li salvana bil-ħajja, bil-mewt u l-qawmien tiegħu.
Is-Salvatur tagħnaIllum, fil-festa ta’ Ġesù Nazzarenu, qegħdin nerġgħu nġeddu din il-fidi tagħna f’Ġesù s-Salvatur tagħna. Fuq is-salib ta lilu nnifsu biex lilna jifdina u jagħtina l-ħajja ta’ dejjem. Fl-Evanġelju li għadna kif smajna hemm il-mument tal-Aħħar Ċena meta Ġesù waqqaf l-Ewkaristija biex biha nerġgħu ngħixu b’mod sagramentali l-għotja tiegħu fuq is-salib. Għalhekk il-kliem proprju tal-konsagrazzjoni, “Dan hu Ġismi li jingħata għalikom … Dan hu demmi li jixtered għalikom,” hu sewwasew deskrizzjoni ta’ dak li Ġesù għamel fuq is-salib.
Aħna u nħarsu lejh bħala s-Salvatur tagħna, nagħrfu s-sejħa tagħna biex inkunu dixxipli tiegħu. Illum is-Sorijiet Missjunarji ta’ Ġesù Nazzarenu, li proprju jġibu l-isem ta’ Ġesù ta’ Nazaret, se jġeddu l-konsagrazzjoni tagħhom biex jimxu bħala dixxipli wara Ġesù skont is-sejħa li għamlilhom, u jimxu warajh bil-voti tal-faqar, tal-ubbidjenza u tal-kastità. Imma aħna li miġburin hawn ukoll imsejħin biex inġeddu l-konsagrazzjoni li għandna bil-magħmudija u nġeddu l-għażla li nkunu dixxipli ta’ Ġesù.
It-triq, il-verità, il-ħajjaHija għażla li nkunu dixxipli ta’ dak li għalina hu t-triq, il-verità, il-ħajja.
Ġesù Nazzarenu hu t-triq. Huwa dak li jurina minn fejn għandna nimxu l-mixja ta’ ħajjitna biex nimxu fiż-żgur. Mingħajru nafu li faċli nispiċċaw fi sqaq li ma jwassal imkien. Miegħu, insibu t-triq li tmexxina ’l quddiem lejn id-destinazzjoni tagħna.
Ġesù Nazzarenu hu l-verità. Fih hemm il-verità sħiħa. Il-kelma tiegħu tgħinna nagħżlu bejn dak li hu veru u dak li hu falz. Meta l-Kelma ta’ Ġesù tħeġġiġna biex inħobbu, inkunu onesti, ngħidu dejjem kelma ta’ ġid, naħdmu għall-ġustizzja, naħfru, naqdu minn qalbna, meta tħeġġiġna biex ningħataw bħal Ġesù fuq is-salib, nafu li hi kelma vera. Mhijiex vera għax bilfors kulħadd jaqbel magħha, jew iħaddanha, imma hi vera għax jgħidilna Ġesù li hu l-verità.
Ġesù Nazzarenu hu l-ħajja. Hu li jagħtina l-ħajja u jgħinna wkoll biex nibdew minn issa ngħixu l-ħajja ta’ dejjem. Nafu li l-ħajja tagħna għandha destinazzjoni li lejha mexjin, imma nafu li minn hawnhekk nistgħu nibdew ngħixu din il-ħajja ta’ dejjem: fil-paċi, fis-serenità, fil-ferħ li jagħtina hu u li jagħmlu l-ħajja tassew sabiħa.
Nimxu wara Ġesù NazzarenuTista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret? Għal din il-mistoqsija, ir-risposta hi: mhux biss ħaġa tajba ħarġet, imma minn Nazaret ħareġ l-aħjar, l-isbaħ u l-aqwa. Ħareġ is-Salvatur tagħna li aħna niskopruh tassew meta nimxu warajh. Ħareġ dak li ħajjitna jista’ jagħmilha tajba tassew. Nitolbu lil Ġesù Nazzarenu li hu jkun dejjem dak li ngħożżu u li warajh nimxu l-jiem kollha ta’ ħajjitna.
F’din il-knisja huma miżmuma bil-qima l-fdalijiet tal-Qaddej ta’ Alla l-Isqof Emmanuel Galea, li kien Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali fl-Arċidjoċesi ta’ Malta. Nirringrazzja lil Alla għal dan il-qaddej fidil li tant ta kontribut sabiħ lill-Knisja f’Malta. Nixtieq nagħmel talba lil Alla biex dan l-isqof ta’ ħajja qaddisa jkompli jkun dejjem ta’ ispirazzjoni għalija u għalina lkoll kif għandna nkunu dixxipli u xhieda ta’ Ġesù Nazzarenu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
-
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti