Nhar is-Sibt 6 t’April 2013, tlaqqgħet il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Moviment ta’ Kana, li saret fiċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazjoni (ĊAK) f’Birkirkara. Il-laqgħa ġiet indirizzata minn Dun Joseph Mizzi, Direttur, u Dr. Arthur Galea Salomone, President. Il-laqgħa ġiet fi tmiemha permezz ta’ ndirizz mill-E.T. Mons Arċisqof Pawlu Cremona O.P.
Diskors ta’ Dun Joe Mizzi, Direttur tal-Moviment ta’ Kana
Għeżież ħbieb,
Merħba u s-sliem lil kulħadd. Il-lejla nġbarna hawnhekk biex nevalwaw il-ħidma tagħna għas-sena 2012 u nitfgħu l-ħarsa tagħna ‘il quddiem lejn is-sena l-ġdida. Li tieqaf u tirrifletti fuq il-ħidma tiegħek huwa dejjem tajjeb, u dan ikollna bżonn nagħmluh minn żmien għal żmien ħalli ma nidrawx ir-rutina ta’ kuljum. Iż-żwieġ u l-familja huwa kamp tant vast li ma tista qatt tgħid li għamilt biżżejjed jew li wasalna. Dejjem hemm fejn tagħmel iżjed, għax hija realtà ħajja u dinamika li kontinwament qed tinbidel u tiġġedded.
Jien konvint li għall-Moviment ta’ Kana din is-sena hija stedina biex inħarsu ‘l barra u mhux iżjed ‘il ġewwa. Mhux iż-żmien li noqgħodu nħarsu ħafna ‘il ġewwa fuq strutturi u burokrazija iżda ż-żmien li nitfgħu ħarsitna ‘l barra għax hemm ħafna xogħol jistenniena. L-isfidi għal dan il-qasam huma kbar ħafna. Biżżejjed insemmu xi ideat li hawn fostna bħalissa ngħidu aħna dik taż-żwieġ bejn l-omosesswali, il-liġi tal-koabitazzjoni, nies li jħossu li għandhom jibdlu s-sess tagħhom u jiżżewġu, u sfidi oħrajn.
L-isfida għan-nisrani hija kbira. Kif nistgħu ninnutaw mhux tant iż-żwieġ li hu fi problema, għax donnu kulħadd irid jiżżewweġ, iżda iżjed x’tip ta’ żwieġ ser nippromwovu, jekk hux dak kif tipproponihulna d-dinja jew inkella hux dak kif inhu miktub fil-qalb tal-bniedem sa minn ewl id-dinja. In-nisrani tas-seklu 21, irid ikun nisrani ta’ konvinzjoni tassew. Irid ikun nisrani li tassew jaf f’min jemmen biex jgħix il-vokazzjoni taż-żwieġ nisrani, għax jemmen li din hija sejħa li l-Mulej qed jagħmillu, partikolarment għalih fil-kuntest tallum.
Matul din is-sena nħoss li rridu naraw il-familja Maltija f’hiex inhi tassew.
a. Irridu naraw x’inhi s-saħħa tal-familja Maltija, x’inhu dak li jgħaqqadha, ħalli nkomplu nibnu fuqha;
b. Irridu naraw x’inhu t-theddid li qed tiffaċċja, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħin bejniethom, xi jżommhom milli jkollhom relazzjonijiet aħjar, kif qed jaffetwawhom il-ħinijiet tax-xogħol, kif qed jagħmlu għat-trobbija tat-tfal, kif qed iżommmu r-relazzjonijiet interġenerazzjonali p.eż. mal-ġenituri tagħhom u mal-anzjani tal-familja eċċ.
c. Irridu naraw xi trends jew drawwiet moderni qabdet is-soċjetà Maltija llum. U jekk dawn it-trends ma tistax iżżommhom jew treġġagħhom lura kif ser nindirizzawhom?
d. Ma’ dan inżid ngħid ukoll, li huwaa mperattiv li nifhmu lill-bniedem tallum fil-kuntest li fih qed jgħix;
e. Irridu naraw kif ser nikkollaboraw iżjed bejnietna kemm fil-Knisja kif ukoll ma’ entitajiet oħra barra mill-Knisja, cioe, nies ta’ rieda tajba li huma wkoll favur iż-żwieġ u l-familja.
Din il-ħidma kollha rridu nwettquha b’sens ta’ djalogu ma’kulħadd, bla kundanni u bla ġudizzji u bla preġudizzji iżda b’fermezza u b’konvinzjoni nkomplu nwasslu l-bxara t-tajba taż-żwieġ u l-familja. Aħna din hija l-proposta tagħna, il-proposta tal-Evanġelju, u nemmnu li din hija ta’ veru ġid għall-bniedem anke jekk forsi l-bniedem tallum ma jridx jismagħha. Din hija ovvjament proposta biss mhux xi ħaġa mposta fuq l-oħrajn. Aħna litteralment m’għandniex setgħa, qawwa jew poter. In-nisrani għandu biss lil Ġesù li jdawwlu bid-dawl tal-kelma tiegħu biex ikompli jkun xhud tiegħu kullimkien.
Għalhekk, ejjew nagħmlu kuraġġ lil xulxin ħalli naraw tajjeb x’inhuma jgħidulna s-sinjali taż-żminijiet, naraw sewwa x’inhu mitlub minnha lkoll ħalli nwettqu dak li għandna nagħmlu bla ebda dewmien u ħela ta’ ħin u riżorsi. Biex nagħmlu dan kollu rridu nkunu dejjem iżjed imħarrġa u ppreparati kemm spiritwalment kif ukoll akkademikament biex nagħtu tweġiba lil dawk li jistaqsuna. Barra minn hekk irridu nkunu wkoll lesti li noħorġu għonqna u nieħdu sehem attiv fuq il-mezzi tal-media. Wisq nibża’ li minkejja l-esperjenzi tas-snin imgħoddija għadna m’aħniex pronti kemm nixtiequ fuq dawn iż-żewġ oqsma. M’hemmx għalfejn ngħid, li s-sehem tagħna fil-media fid-dinja tallum huwa ndispensabbli.
Huwa preċiżament dan li jagħmel il-Moviment ta’ Kana, moviment ħaj, attwali u relevanti għaż-żminijiet tallum; hija din l-attenzjoni għar-realtà konkreta tal-ġurnata li jpoġġi lil Kana fuq quddiem nett b’risq il-familja Maltija; huwa dan li jkompli juri bil-fatti li ‘l-familja hija tassew għal qalbna’.
Nagħlaq billi nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minkom, kif ukoll lil familji tagħkom għas-sehem imprezzabbli li intom dejjem tajtu fi ħdan il-Moviment b’risq il-familja. Grazzi ħafna u l-Mulej iroddilkom għal mitt darba għal ġenerożità tagħkom.
Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]