Caritas Malta ħabbret it-tielet edizzjoni ta’ Caritas Run For Life, li issa saret parti fissa mill-kalendarju tagħha. Din l-attività se ssir fit-2 ta’ Marzu 2025 u tinvolvi ġirja jew mixja miċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ u lura.

L-adulti jistgħu jipparteċipaw fit-tlielaq tal-10km u l-5km jew fil-mixja ta’ 4km. It-tfal ta’ bejn is-sitt u d-disa’ snin jistgħu jieħdu sehem fit-tellieqa ta’ 1km u dawk bejn l-10 u t-13-il sena fit-2.5km.

Caritas Malta temmen li fis-soċjetà tagħna kulħadd għandu jkollu l-opportunità jesperjenza s-sabiħ li tgħix u tgħix ħajja sana ’l bogħod mis-sustanzi u dak kollu li jfixkel lill-bniedem milli jgħix bid-dinjità sħiħa tiegħu.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt irringrazzja lil dawk kollha li qed jagħtu sapport fit-tielet edizzjoni ta’ Caritas Run For Life, peress li hi attività li tinkludi ħafna loġistika u preparamenti. Semma wkoll żewġ esperjenzi li laqtuh wara l-attività tas-sena l-oħra fejn persuna li kienet dipendenti mis-sustanzi ppruvat tagħmel il-ġirja tal-5km imma ma rnexxilhiex. Dakinhar ħadet deċiżjoni li tfittex l-għajnuna tal-Caritas biex din is-sena tkun tiflaħ tagħmel il-ġirja kollha. Persuna oħra li għamlet il-mixja għall-ewwel darba, espremiet li tant ħadet gost, li ddeċidiet li l-mixi jsir parti mir-rutina tagħha.

“Din l-attività nirrepetuha għal żewġ għanijiet: il-konkorrenza kbira li tħeġġeġ ħajja sana kif ukoll l-element tal-ġbir ta’ fondi. Caritas Malta hi favur ħajja sana u ilha madwar 35 sena tikkumbatti mar-realtà ta’ sustanzi li jaħkmu persuni fid-dipendenza. Is-sena l-oħra ’l fuq minn 896 persuna resqu għall-għajnuna, numru li żdied mis-sena ta’ qabel.

“Barra l-għajnuna diretta, il-prevenzjoni hi ħidma importanti u Caritas Run for Life hi parti mill-istrateġija ta’ prevenzjoni. Għalina din tfisser promozzjoni għal ħajja sana ’l bogħod mid-droga.” Saħaq ukoll dwar l-importanza tal-ġbir ta’ fondi li jsostnu s-servizzi li toffri Caritas Malta li huma kollha bla ħlas.

Il-President tas-St Patrick’s Athletic Club Ray Spiteri qal li l-klabb iħossu onorat li għal darb’oħra se jassisti lil Caritas Malta.

“Caritas Run For Life llum tifforma parti minn Athletics Malta u din l-attività tiġbed mijiet ta’ persuni għal diversi raġunijiet fosthom għax hemm tiġrijiet diversi kif ukoll mixja ta’ 4km. Ir-rotta hi waħda unika, f’ambjent rurali u mingħajr traffiku. Hi żona li l-ebda klabb ma jagħmel ġirjiet fiha. Imbagħad hemm min jagħmel din il-ġirja biex jappoġġja lil Caritas Malta u oħrajn li għalihom tkun il-bidu ta’ attività fiżika, li mbagħad issir parti mir-rutina ta’ ħajjithom.

“Kategoriji fl-etajiet differenti bejn it-30 u 70 sena jistgħu jirbħu trofew għall-ewwel, it-tieni u t-tielet post. Peress li l-ġirja tat-tfal attirat lil ħafna, dis-sena biex inkompli nsaħħu s-sigurtà, se jkunu maqsuma u jitilqu fi gruppi żgħar.” Ħeġġeġ ukoll lill-klabbs tal-ġiri u OCR biex iħeġġu lill-atleti tagħhom jattendu biċ-ċans ta’ trofew għall-klabb li jġib l-aktar membri.

Il-Viċi Chairman ta’ Sportmalta Keith Bartolo faħħar ix-xogħol li tagħmel Caritas Malta u esprima li hu obbligu għal Sportmalta li tkun ta’ spalla f’din l-attività permezz ta’ fondi pubbliċi, fejn isir tant ġid ma’ persuni li jersqu għall-għajnuna ta’ Caritas.  

Andrew Attard, l-Assistent Eżekuttiv tad-Direttur ta’ The Convenience Shop, spjega li mill-bidu nett The Convenience Shop emmnu f’din l-attività u s-sabiħ li ġġib magħha. “Nemmnu ħafna li nkunu wara Caritas bħala parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) tagħna, li nkunu viċin ta’ nies li huma tant fil-bżonn. Id-droga saret aċċessibbli iktar minn qatt qabel, allura rridu ninvestu aktar fin-nies permezz ta’ attivitajiet fiżiċi.” Ħeġġeġ ukoll lil min iħaddem biex ikunu lesti li jintegraw lura fid-dinja tax-xogħol lil persuni li jlestu l-programm, peress li x-xogħol jagħti d-dinjità u l-persuna hekk tħossha milqugħa fis-soċjetà.

Caritas Run For Life qed issir bil-għajnuna ta’ Sportmalta, li jagħtu sapport kontinwu matul is-sena lid-djar residenzjali ta’ Caritas Malta; St Patrick’s Athletic Club; The Convenience Shop; Enemed; GO & Fun isotonic sport drink; Eurosport; GS Health and Safety; Malta Public Transport; il-Pulizija,  LESA, il-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ u St John Ambulance and Rescue.

Għal aktar tagħrif żurhttps://www.caritasmalta.org/caritas-run-for-life-2025/.