“Ejjew inkomplu nibnu l-Ewropa flimkien” hi t-tema ta’ stqarrija li għadha kemm ħarġet mill-isqfijiet tal-COMECE miġbura fil-jiem li għaddew f’Łomża, il-Polonja, għall-Assemblea tar-Rebbiegħa, fejn attenda wkoll l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi f’isem il-Konferenza Episkopali Maltija.

Fl-okkażjoni tal-20 anniversarju mit-tkabbir sinifikanti tal-Unjoni Ewropea li kien sar fl-2004, inkluż is-sħubija ta’ Malta, l-isqfijiet urew l-appoġġ tagħhom għall-prospetti ta’ iktar tkabbir fil-futur: “Din mhijiex biss ħtieġa ġeopolitika għall-istabbiltà fil-kontinent tagħna, imma wkoll messaġġ qawwi ta’ tama għaċ-ċittadini li jixtiequ jgħixu fil-paċi u l-ġustizzja”.

Fl-istqarrija tagħhom, l-isqfijiet tal-Unjoni Ewropea jinnotaw li l-gwerra vjolenti tar-Russja kontra l-Ukrajna ġġenerat momentum ġdid għal sħubijiet ġodda fl-Unjoni, l-aktar fejn jidħlu pajjiżi fil-Balkani u l-lvant tal-Ewropa.

“Lil hemm mill-ħtieġa ġeopolitika ta’ stabbilità fil-kontinent tagħna, fuq kollox aħna nqisu l-prospetti ta’ sħubijiet oħra futuri fl-UE bħala messaġġ qawwi ta’ tama għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati u bħala tweġiba għax-xewqa tagħhom li jgħixu fil-paċi u l-ġustizzja”, ittenni l-istqarrija.

Imma l-isqfijiet jispeċifikaw li s-“sħubija fil-UE hi proċess li jrid isir miż-żewġ naħat”. Ifissru li waqt li “l-pajjiżi li qed jaspiraw għal sħubija jridu jkomplu jfittxu r-riformi strutturali meħtieġa f’oqsma kruċjali, il-kredibbiltà tal-proċess ta’ tkabbir tal-UE jimplika wkoll passi konkreti min-naħa tal-Unjoni biex tkun lesta’ tilqa’ membri ġodda”.

Hawn huma semmew il-bżonn “li taħseb mill-ġdid modi ta’ governanza biex il-membri u l-istituzzjonijiet tagħha jistgħu jaġixxu fil-ħin u b’mod effettiv”, waqt li tqis ukoll l-impatt li jħallu “arranġamenti fit-tfassil tal-baġit, politika jew oqsma ta’ koperazzjoni […] fuq il-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetajiet tal-istati membri attwali u futuri”.

L-isqfijiet iżidu li “t-tkabbir tal-UE fil-futur hu opportunità biex inġeddu l-idea ta’ Ewropa magħquda b’għeruqha fis-solidarjetà prattika”. Fl-aħħar nett, isejħu liċ-ċittadini u politiċi biex jagħmlu “riflessjoni profonda fuq il-bażi tal-valuri komuni tagħna u r-rabtiet speċjali li jgħaqqduna bħala familja Ewropea”.

L-Assemblea kienet ippreseduta mill-E.T. Mons. Mariano Crociata, President tal-COMECE.

Sors: Newsbook Malta