-
-
Wara s-serqa mill-knisja l-ġimgħa li għaddiet, fl-aħħar sigħat, il-komunità Bormliża qed taħdem qatigħ biex kemm jista’ jkun issib malajr ritratti tal-oġġetti kollha li nsterqu fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa 21 u s-Sibt 22 ta’ Lulju. Dan sabiex min jara xi wieħed minnhom jew jaf b’xi dettall, ikellem minnufih lill-Pulizija.
L-oġġetti misruqa huma tmienja u jammontaw għal €30,000. Dawn huma: kalċi tal-Arċipriet Dun Anton Cassar, kalċi ta’ Dun Reuben Vella, kalċi ta’ Dun Jesmond Manicaro, labra bil-brillantini u kalċi, żewġ pissidi u ċiborju li jappartjenu lill-Knisja ta’ Bormla.
Għall-kuntrarju ta’ x’ġie rrappurtat fil-mezzi tax-xandir, ma nsterqux flus kontanti.
Fir-ritratt ta’ hawn fuq hemm ir-ritratti kollha għajr tal-kalċi ta’ Dun Jesmond Manicaro u ċ-ċiborju.
L-Arċipriet ta’ Bormla, Dun Anton Cassar, qed jappella biex min jixtieq, jista’ jagħti donazzjoni lill-Knisja sabiex tiġi installata mill-aktar fis sistema ta’ alarm u anke kameras tas-sigurtà. Bis-sistema ġdida ta’ kameras fil-knisja, l-emigranti u anke l-persuni morda jkunu jistgħu jsegwu ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.
Min irid jagħmel donazzjoni jista’ jkellem lil Dun Anton Cassar fuq in-numri 7982 8413 jew 2182 8413 jew inkella jżur l-uffiċċju parrokkjali ta’ Bormla, li jinsab fi Triq il-Gendus.
Wara s-serqa, l-Arċisqof Charles J. Scicluna permezz ta’ messaġġ fuq Twitter esprima d-dieqa tiegħu u talab lill-Mulej biex ikollu ħniena għax “is-Sagrament Imqaddes ġie ttrattat b’diżrispett”.
-