L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
F’dawn l-aħħar ġranet tar-Randan, l-Evanġelju jibda jippreparana għall-kunflitt kbir bejn Ġesù u dawk li kienu jaħsbu li fehmu kollox u li jafu kollox, li ma setgħux jilqgħuh: mastrudaxxa minn Nazaret li jgħid li huwa l-Iben ta’ Alla.
Ġesù jinsisti li għandhom iċ-ċavetta biex ikunu jistgħu jagħrfuh u jifhmuh: il-Liġi, il-profeti, Mosè stess, imma xorta jibqgħu jwebbsu rashom.
Ejjew nitolbu f’dan il-mument partikulari biex aħna nagħrfu fejn qegħdin inwebbsu rasna u qalbna. Il-Mulej tana biżżejjed strumenti, għajnuniet, biex nifhmu xi jrid minna. Ħafna drabi insibuha diffiċli nagħrfuh u nobduh. Hu se jibqa’ jħabbat fuq il-bieb tagħna.
Hemm espressjoni sabiħa li Ġesù juża għal Ġwanni l-Battista: “Dak kien musbieħ jixgħel u jiddi” (Ġw 5:35). Kemm tkun ħaġa sabiħa li f’mumenti ta’ dlam, f’mumenti ta’ diffikultà aħna l-Insara nkunu musbieħ jixgħel u jiddi. Wieħed jista’ jgħid: ‘Imma l-musbieħ tiegħi jnemnem, id-dawl tiegħi bati’. Niftakru fil-kliem tal-profeta Iżaija fuq il-Messija: “Qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx”.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżodu 32, 7-14
Salm: 105 (106), 19-20.21-22.23
Evanġelju: Ġw 5, 31-47