-
-
Il‑Ġimgħa 28 ta’ Ottubru 2016, tliet seminaristi u żewġ patrijiet Franġiskani ġew ordnati djakni mill‑Arċisqof Charles J. Scicluna, f’Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.
Id-Djakni l-ġodda huma: Sinclair Bugeja mill‑Parroċċa tal‑Familja Mqaddsa, l‑Iklin, Clive Camilleri O.F.M., Ramon Farrugia O.F.M. u Ryan Lee Pace mill‑Parroċċa tal‑Madonna tal‑Karmnu, il‑Gżira, u Mark Spiteri mill‑Parroċċa ta’ San Filep ta’ Aġġira, Ħaż‑Żebbuġ.
I`ċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq YouTube
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
28 ta’ Ottubru 2016
Għeżież kandidati għall-Ordni tad-djakonat, Sinclair, Clive, Ramon, Brian Lee u Mark, li qegħdin tiġu ordnati djakni f’din il-festa sabiħa ta’ żewġ appostli. Bħalma jgħid San Pawl Missierna lill-Efesin, kif smajna fit-Tieni Qari tal-lum, “aħna m’għadnix aktar barranin u għorba, aħna ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar t’Alla, mibnija lkoll fuq is-sisien tal-appostli u tal-profeti fejn Kristu Ġesù hu l-ġebla tax-xewka” (Ef 2, 19-20).
Din id-dar tagħna. Id-dar tagħna għandha lil Ġesù bħala l-ġebla tax–xewka. F’Ġesù, “il-bini kollu marbut sewwa, jitla’ f’tempju qaddis fil-Mulej. Fih intom, u aħna magħkom, “ fl-Ispirtu ninbnew flimkien f’dar fejn jgħammar Alla” (vv. 21-22). Aħna l-poplu t’Alla, aħna d-dar fejn jgħammar Alla u intom illum imsejħin biex tkunu qaddejja f’din id-dar fejn jgħammar Alla, f’din id-dar li tagħha Ġesù Kristu huwa l-ġebla tax-xewka.
Is-suġġeriment tiegħi ta’ missier u ta’ ħukom huwa li intom ma tiddejqux li kuljum matul ħajjitkom kollha, issa li se tiġu ordnati bit-talba tal-Knisja u bit-tqegħid tal-idejn tal-Isqof, kuljum tmissu lill-Mulej “li minnu”, skont l-Evanġelju “toħroġ qawwa li tfejjaq” (Lq 6, 19). Aħna għandna bżonn ta’ kuljum nitfejqu mill-Mulej Ġesù, għandha bżonn nħossu dik il-mediċina u nduquha għad-dgħufija tagħna, għas-suppervja tagħna, għar-rabja li kultant taħkimna. Għandha bżonn induqu lill-Mulej Ġesù ta’ kuljum biex intaffu n-nuqqas ta’ ħila, in-nuqqas ta’ ħeġġa tagħna u nitgħallmu li anke t-tempju tar-ruħ tagħna u ta’ ġisimna se jikber f’dar fejn jgħammar Alla daqskemm ngħażlu lil Ġesù bħala l-ġebla tax-xewka.
Jiena nixtieq nislet ħsibijiet qosra minn dawn iż-żewġ appostli li qegħdin niċċelebraw illum. Nibdew mill-appostlu Xmun jew inkella Simon. Kif tafu, l-isem Xmun, ‘xema’ jfisser ‘Alla jisma’, imma jfakkarna wkoll li aħna għandna bżonn nisimgħu lil Alla. Xmun kellu wkoll ix-xorti li jkun hemm appostlu ieħor li jismu bħalu li kien il-kap: Xmun li jissejjaħ Pietru ‘il-blata’. Imma Xmun li qegħdin niċċelebraw illum ma ġiex magħżul minn Ġesù biex ikun il-kap, imma xorta huwa appostlu li aħna mibnijin fuqu.
Se nippreżentalkom, wara l-Ordinazzjoni, l-Evanġelju u f’isem il-Knisja, se nistedinkom biex taqraw il-Kelma tal-Mulej, biex temmnuha, tgħixuha u biex tkunu eżempju ħaj ta’ qaddej li jisma’ l-kelma ta’ sidu. Wara kollox anke fil-lingwa tagħna, il-verb ‘tisma’ huwa maqgħud ħafna mal-ubbidjenza – “Isma’ minni”. Minjaf kemm il-darba ommijietkom li qegħdin hawn, qalulkom “isma’ minni, m’intix qed tisma minni”. Intom komplu isimgħu mill-ġenituri tagħkom li tawkom il-ħajja u kkoperaw mal-Mulej fil-ħolqien tagħkom u isimgħu anke l-Kelma tal-Mulej u tal-għarusa tiegħu l-Knisja. Għax l-ubbidjenza hija din: id-disponibbilità li tisma’ u tassimila l-kelma li tisma’.
Xmun fl-Evanġelju tal-lum jissejjaħ l-imħeġġeġ. Qisu li tkunu nies imħeġġa bin-nar li ried Ġesù jaqbad mad-dinja kollha: “hemm nar u kemm nixtieq li diġa qabad. Nar ġejt inpoġġi fid-dinja”. Din il-ħuġġieġa tal-imħabba li trid ukoll tħeġġeġ il-qalb tagħkom. Xmun jisma’ u jobdi, imma mħeġġeġ. Kunu djakni u ’l quddiem presbiteri mħeġġa bl-imħabba għal Alla u għall-proxxmu. Il-qadi tagħkom ma jridx ikun qadi ta’ bilfors jew allaħares qatt għall-flus jew għall-prestiġju fieragħ ta’ din id-dinja, imma jrid ikun qadi mħeġġeġ bl-imħabba għal Alla u għall-proxxmu.
Fuq Xmun ma tantx nafu. It-tradizzjoni tgħidilna li mbagħad issieħeb ma’ Ġuda Taddew u flimkien ippruvaw jevanġelizzaw. Evanġelizzaw ħafna u mbagħad spiċċaw qatluhom. Saru xhieda ta’ Ġesù bil-mewt tagħhom għax kienu xhieda tiegħu bil-ħajja tagħhom. Xmun ifakkarna kemm hi sabiħa li taħdem ma’ ħaddieħor u tintilef fit-teamwork li jrid iwassal is-saltna.
Ġuda Taddew ħafna drabi kellu x-xorti li jintesa għax ismu mhuwiex marbut mal-kap. Xmun l-imħeġġeġ marbut ma’ l-ewwel wieħed fil-lista, imma Xmun ħu Ġakbu, huwa marbut mal-aħħar wieħed minħabba f’ismu. Huwa wkoll appostlu li kellu sieħbu bl-istess isem. L-aħħar wieħed huwa magħruf bħala dak li ttradih imma aħna qegħdin nagħmlu festa llum lil Ġuda li skont San Ġlormu kellu tlett ismijiet: Ġuda, Taddew u Lebbeus. Infatti San Ġlormu jgħidlu: ‘l-appostlu tat-tlett ismijiet’ għaliex il-manuskritti tal-Evanġelji jagħtuh tlett ismijiet. Ħafna, biex ma ma jgħidulux Ġuda, jgħidulu Taddew.
L-isem Ġuda jfisser ‘bniedem li jistħoqqlu t-tifħir’, imma bniedem li jfaħħar lil Alla. Jekk Xmun ifakkarkom fis-smigħ, Ġuda jrid ifakkarkom f’din il-missjoni li llum qegħdin tirċievu b’mod pubbliku u formali, li tkunu l-vuċi tal-Knisja li tfaħħar lil Alla, li titolbu, tirringrazzjah, tbierku tfaħħru u tadurah.
L-isem Taddew ifisser ‘bniedem ta’ qalb kbira’. Fil-qadi tagħkom lill-komunità, kunu nies ta’ qalb kbira, kunu nies ta ġenerożità u itolbu lill-Mulej biex id-djakonat li se tirċievu ma tinsewh qatt. Tħallux il-presbiterat li se tirċievu minn hawn u ftit xhur oħra, inessikom li intom ukoll djakni, li intom qaddejja, bħalma ktibtu fis-santi u fl-inviti, intom qaddejja bħal dak li ġie “mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”. Tridu tagħmlu dan b’qalb kbira.
It-tielet isem ta’ Ġuda ‘Taddew’ huwa bniedem ta’ kuraġġ. Mhux ta’ b’xejn l-appostlu Missierna jgħid li “aħna mibnijin fuq is-sisien tal-appostli u tal-profeti” (Lq 6, 20). Fl-omeliji li tagħmlu għandhom ikunu kollokju li joħroġ mill-qalb u li jattira l-qalb ta’ min jismagħkom. Tkunux biss il-mibgħutin, l-appostli, imma wkoll profeti. Tkunux profeti li titkellmu minn żniedkom imma li twasslu l-Kelma ta’ min bagħtkom, il-Kelma tal-Mulej.
Il-profeta lest ukoll ibati għall-kelma li jxandar, irid ikun allura bniedem ta’ qalb kbira imma bniedem ukoll ta’ kuraġġ għax mill-lum intom imsejħin minħabba l-Kelma li twasslu, li tkunu sinjal li jmerukom, tkunu glorja, dawl u salvazzjoni għall-poplu t’Alla glorja, imma tkunu wkoll sinjal li jmerukom. Tibżgħux, u bħalma tgħidilkom il-Knisja hija u tafdalkom il-ktieb qaddis tal-Evanġelju, kunu t’eżempju. Il-kelma tagħkom tridu tikkonfermawha bil-ħajja tagħkom.
Intom faċli tgħidulu u jiena nifimkom: “aħna dgħajfa, aħna midinbin”. U jiena ngħidilkom: “taqtgħux qalbkom”. Permezz tas-sagramenti tal-Knisja li intom twasslu u tiċċelebraw u wkoll il-bżonn li tirċievu, ibqgħu qrib Ġesù li bil-paċi tiegħu jaħfrilkom dnubietkon u jerġa’ jġeddidkom kuljum. Taqtgħux qalbkom. Il-Mulej jgħinkom biex intom u titolbu l-interċessjoni ta’ Xmun u ta’ Ġuda Taddew, l-ebda sitwazzjoni li għalina tidher impossibbli, ma taqtgħalkom qalbkom. Jekk taffaċjaw sitwazzjoni impossibbli ftakru li ġejtu ordnati llum fil-festa ta’ San Ġuda, padrun tas-sitwazzjonijiet impossibbli. Ftakru wkoll li aħna, mhux biss il-familji tagħkom, nissaportjawkom u nwegħdukom quddiem il-Mulej bit-talb tagħna. Nitlob biex aħna u nilqgħu d-don tal-ministeru tagħkom, aħna stess ngħinukom biex permezz tiegħu, tikbru fil-qdusija, tkunu bħal Xmun ubbidjenti u mħeġġa, tkunu bħal Ġuda Taddew, nies ta’ tifħir b’qalb kbira mimlija kuraġġ.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja