It-Tnejn filgħaxija, sitt persuni attakkaw Knisja Kattolika f’Rawalpindi, it-tielet aggressjoni ta’ din ix-xorta dil-ġimgħa.
Il-Knisja ddedikata lil San Tumas kienet attakkata filgħaxija minn grupp ta’ nies armati li tefgħu ġebel lejn il-ħġieġ u l-lampi, minbarra li taw in-nar lill-bieb tal-Knisja.
Il-Pastor lokali, Fr Yusaf Amanat, kien imwissi mill-persuna li tieħu ħsieb il-Knisja li qallu li kien sema’ xi ħsejjes. L-Isqof Anthony Rufin ta’ Islamabad-Rawalpindi, kien anki fuq is-sit ftit wara l-inċident, fejn iltaqa’ mal-pulizija u appella għal iktar protezzjoni tal-knejjes. L-Isqof qal li kellu wkoll l-opportunita li f’mument tant diffiċli, jassigura u jikkonsla lill-komunita. Żied li “bħala Pastors, aħna lkoll neħtieġu nassiguraw il-qrubija u s-sildarjeta mal-komunita tagħna. Għalhkk, bħall-Isqfijiet tal-Pakistan, ktibna ittra pastorali konġunta bil-għan li ninkoraġixxu lin-nies jibqgħu sodi fil-fidi tagħhom u fit-tama. Inkomplu nafdaw f’Alla u fl-istituzzjonijiet Pakistana”.
L-Aġenzija tal-aħbarijiet Fides innutat li l-mexxejja tal-komunitajiet insara lokali f’Rawalpindi, riċentament iltaqgħu mal-pulizija biex jiddiskutu x’miżuri ta’ sigurta huma meħtieġa waqt l-attivitajiet marbuta ma’ Żmien l-Għid.
Sorsi li tkellmu mal-Aġenzija tal-Aħbarijiet Fides qalu li “dan l-attakk kien indikazzjoni ta’ klima intimidatorja fil-konfront tal-minoritajiet reliġjużi”. Żied li l-komunita tinsab “fi stat ta’ insigurta, biża u anki tbatija. Fid-dawl ta’ dan, il-Gvern għandu jġib dan kollu fuqnett tal-aġenda tiegħu”.