-
-
Nhar il-Ħadd 15 ta’ Frar 2015, tliet seminaristi ser jitolbu lill-Knisja biex tilqagħhom uffiċjalment bħala kandidati għall-Ordni tad-Djakonat u tal-Presbiterat waqt konċelebrazzjoni mmexxija mill-Isqof Charles J. Scicluna, fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, il-Gżira, fis-6:00pm.
It-tliet seminaristi, li bħalissa jinsabu fil-ħames sena tal-formazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof, huma Sinclair Bugeja mill-Parroċċa tal-Familja Mqaddsa, l-Iklin, Ryan Lee Pace mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, il-Gżira, u Mark Spiteri mill-Parroċċa ta’ San Filep, Ħaż-Żebbuġ.
Dakinhar, dawn it-tliet seminaristi ser jistqarru pubblikament li ser joffru lilhom infushom lill-Knisja biex aktar ’il quddiem ikunu jistgħu jservu fis-Saċerdozju Ministerjali permezz tas-Sagrament tal-Ordni Sagri. L-Isqof, f’isem il-Knisja, ser ikun qed jilqa’ bil-ferħ l-offerta tagħhom u ser jitlob lil dawn il-kandidati biex matul is-snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall-Ordni Sagri.
Il-komunità Nisranija hi mitluba żżomm f’talbha lil dawn it-tliet kandidati.