-
Tliet Kappillani Ġodda
-
Waqt is-47 Kapitlu tal-Provinċja Dumnikana Maltija li sar dawn l-aħħar ġimgħat, P. Michael Camilleri OP, P. Joe Cilia OP u P. Vince Micallef OP ġew appuntati bħala kappillani ġodda tal-parroċċi dumnikani tal-Belt Valletta, Sliema u Gwardamanġa rispettivament.
Patri Michael M. Camilleri OP twieled fit-23 ta’Frar 1966, f’tal-Pietà. Attenda l-iskola primarja f’tal-Pietà, u mbaghad dik sekondarja fil-Kulleġġ ta’ S. Wistin, fil-Liċeo l-Ħamrun u fl-iskola sekondarja tan-Naxxar.
Fl-14 ta’ Ottubru 1983 daħal mad-dumnikani fir-Rabat. Għamel l-ewwel professjoni fil-25 ta’ Ottubru 1986, u l-professjoni solenni fil-5 ta’ Novembru 1989. Studja fl-Università ta’ Malta u f’Bologna, l-Italja. Fit-2 ta’ Lulju 1993 ġie ordnat djaknu u fit-8 ta’ Lulju 1994 ġie ordnat sacerdot. Serva f’diversi karigi, bħalma huma pirjol fil-komunita tal-Birgu u Gwardamanġa. Huwa kien ukoll kappillan fi Gwardamanġa ghal 12-il sena. Huwa ukoll konfessur straordinarju u kanoniku onararju mal-kapitlu tax-Xagħra, Għawdex. Fis-7 ta’ Settembru 2007 irċieva “Ġieħ il-Pietà” mill-Kunsill Lokali tal-Pietà.
Patri Joe Cilia OP twieled il-Ħamrun fit-12 ta’ April 1946 fejn attenda l-iskola primarja u wara s-sekondarja ġewwa l-kulleġġ San Albert. Fis-sena 1963 daħal fl-Ordni Dumnikan u ġie ordnat saċerdot fl-1970. Għadda l-ewwel żmienijiet ta’ ħidma tiegħu bħala kappillan fil-parroċċa ta’ San Duminku l-Belt Valletta fejn dam kważi 12-il sena. Għamel xi esperjenzi missjunarji fl-Albanija u wara ħadem ukoll ma’ studenti żgħażagħ bħala religious councillor fl-iskejjel sekondarji għoljin tal-gvern. Dan l-aħħar kien ukoll impenjat pastoralment ma’ movimenti ġodda fil-knisja.
Patri Vince Micallef OP twieled il-Belt Valletta, Malta, fit-2 ta’ Marzu 1950. Daħal fl-Ordni Dumnikan fit-8 ta’ Settembru 1967, u għamel l-ewwel professjoni reliġjuża fit-22 ta’ Settembru 1968, u l-professjoni solenni fl-1971. Ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Lulju 1974. Fi tfulitu studja fl-iskola primarja tal-Baviera, il-Belt, u s-sekondarja fil-Kulleġġ Dumnikan San Albert il-Kbir, il-Belt. Fl-Ordni Dumnikan huwa studja l-filosofija u t-tejoloġija fil-Kulleġġ San Tumas ta’ Akwinu, ir-Rabat, Malta. Fl-1978, huwa mar jingħaqad mal-komunità dumnikana maltija fil-missjoni ġewwa l-Brażil, fejn qatta’ 30 sena. Matul dan iż-żmien huwa kien kappillan tal-parroċċi ta’ Faxinal u Curitiba fl-Istat tal-Parana’ u fil-Belt ta’ São Paulo, fl-Istat ta’ São Paulo. Għal snin twal kien ukoll attiv fil-formazzjoni tal-prenovizzi bħala direttur u surmast tan-novizzi u studenti tal-filosofija u tat-tejoloġija. Kien vigarju tal-provinċjal għar-reliġjużi dumnikani maltin, u l-aħħar 4 snin tiegħu fil-Brażil (2006-2009) kien provinċjal tal-Provinċja Brażiljana Bartolomeu de Las Casas. Patri Vince, barra x-xogħol pastorali tiegħu, partikularment maż-żgħażagħ u mal-koppji, kompla wkoll l-istudji tiegħu ġewwa São Paulo għall-Liċenzjat fil-Filosofija u l-Masters fix-Xjenzi tar-Reliġjon fl-Universita Pontifiċja Kattolka. Huwa fundatur tal-iskola ta’ tfal u żgħażagħ b’diżabilità (APAE) Faxinal, PR, Brażil, fl-1983. Fl-1995 huwa wkoll irċeva t-titlu ta’ Ċittadin Onorarju tal-Belt ta’ Curitiba, PR, għax-xogħol pastorali qalb il-fqar fil-favelas. Bħala delizzju huwa jħobb ikanta u jikkomponi l-mużika, difatti għandu rrikordjati CDs kemm bil-portugiz kif ukoll bil-malti. Lura Malta fl-2010, huwa okkupa l-kargu ta’ viċi kappillan fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa.