• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, ir-Rabat

    25 ta’ Jannar 2019 

    40 sena ilu bħal-lum, jien kont wasalt fix-xhur tal-aħħar fil-Ħames Klassi fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl.  Kien ftit qabel spiċċajt il-ħames snin tas-sekondarja li għamilt student fil-kulleġġ. Meta nħares lura lejn dawn il-ħames snin, niftakar kemm kienet esperjenza sabiħa. Għandi ħafna memorji f’qalbi u apprezzament kbir lejn is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl u lejn dawk kollha li fis-snin tal-iskola tawni edukazzjoni sħiħa li ppreparatni għall-ħajja bl-isfidi kollha tagħha.

    Illum, fil-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, li għalih hu msemmi dan il-kulleġġ, meta ġejt hawnhekk għall-ewwel darba wara l-ordinazzjoni tiegħi bħala isqof, nixtieq bil-qalb nirringrazzja lill-Mulej bil-kliem tas-Salm: “Faħħru l-Mulej … sebbħuh … għaliex qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina.”

    Nixtieq li nwasslilkom dan il-messaġġ mibni fuq tliet kelmiet.


    Gratitudni

    Inħeġġiġkom biex tgħixu ż-żmien f’dan il-kulleġġ bi spirtu ta’ gratitudni, dan l-ispirtu li kien joħroġ ħafna fil-kitba ta’ San Pawl. Gratitudni lejn Alla, l-ewwel nett, li jħobbna u jagħtina tant affarijiet sbieħ f’ħajjitna, u li minnu ġej kull ġid. Fil-kulleġġ jien tgħallimt ngħix b’din il-gratitudni lejn Alla. Niftakar it-talba li kien jagħmel Patri Bernard Mangion MSSP, dak iż-żmien Rettur tal-Kulleġġ, u llum magħna għal din il-quddiesa: “Agħmel, Mulej, li kulma nagħmlu jkun jibda minnek u fik jintemm.” Imbagħad ukoll gratitudni lejn dawk kollha li jagħmlulna l-ġid. Fl-iskola, tul is-snin, tiskopri ħafna għalliema u nies oħra li, min mod u min ieħor, ikunu qed jgħinuk biex tagħraf lilek innifsek u timxi ’l quddiem. Nies li jagħtuk is-sapport u l-inkoraġġiment li jkollok bżonn. Meta ngħixu bil-gratitudni f’qalbna, inxerrdu madwarna spirtu tassew sabiħ.


    Fiduċja

    It-tieni kelma: fiduċja. Il-Kulleġġ għallimni jkolli fiduċja f’Alla, li hu dejjem magħna f’ħajjitna, u fiduċja fija nnifsi. Lil kull wieħed minnkom hawnhekk nixtieq inħeġġiġkom biex ikollkom dejjem din il-fiduċja li tgħinkom tagħrfu d-doni li Alla takom biex tiżviluppawhom. Mhux kulħadd għandu l-istess doni, imma Alla lil kulħadd jagħti doni ta’ tip jew ieħor. Qatt tarmi lilek innifsek. Bl-għajnuna ta’ Alla skopri t-tajjeb li hemm fik, u dawk li huma areas of growth, fejn jeħtieġ li tikber. Din il-fiduċja tgħinkom tegħlbu l-biża’, il-qtigħ ta’ qalb, il-kundizzjonament minn dak li qed jagħmlu l-oħrajn. Tgħinkom tgħixu l-fidi tagħkom bil-kuraġġ. San Pawl kien eżempju mill-isbaħ ta’ dan. Bil-qawwa ta’ Alla, kien jegħleb kull biża’ u xkiel.


    Determinazzjoni

    It-tielet kelma: determinazzjoni. Il-Kulleġġ għallimni biex ikolli dik ir-rieda soda biex nagħżel it-tajjeb u nfittex dak li hu tassew ta’ ġid. San Pawl kien bniedem determinat. Fil-festa tal-konverżjoni tiegħu, naraw sewwasew kif għall-bidu telaq b’determinazzjoni biex jippersegwita l-insara. Meta fit-triq lejn Damasku ltaqa’ ma’ Ġesù u għaraf lilu, il-konverżjoni li seħħet għenitu biex jindirizza mod ieħor id-determinazzjoni tiegħu. Sar imbagħad appostlu tal-ġnus, dak li b’determinazzjoni jwassal l-Evanġelju: jagħlqulu bieb, ifittex bieb ieħor; joħolqulu l-problemi f’post, imur post ieħor. Inħeġġiġkom biex tkunu dejjem determinati fl-istudji tagħkom u jkollkom dik ir-rieda soda biex tagħmlu dak li hu sewwa, dak li jgħinkom f’ħajjitkom, u twasslu sal-aħħar kull biċċa xogħol li tkunu afdati biha. Lili l-kulleġġ għeni ħafna f’dan. L-istess bini tal-kulleġġ, li jien niftakru jsir tul is-snin, hu xhieda ta’ determinazzjoni li twassal sat-tmiem il-ħidma tiegħek. Nixtieq insemmi wkoll, fost l-oħrajn, l-arkett li tgħallimt il-Kulleġġ bħala passatemp, u kien tant jogħġobni. L-arkett jitlob ħafna paċenzja imma wkoll determinazzjoni li twassal sal-aħħar il-biċċa xogħol li tkun qed tagħmel li jkun fiha kultant ħafna dettalji żgħar.


    X’g
    ħandi nagħmel, Mulej?

    San Pawl, fl-ewwel qari mill-Atti tal-Appostli, jagħmel din il-mistoqsija meta jiltaqa’ ma’ Ġesù: “X’għandi nagħmel, Mulej?” Jien nitlob għalikom biex il-Mulej, bl-għajnuna tiegħu, jgħinkom tiskopru l-vokazzjoni li għaliha qed isejħilkom: min għal triq u min għal oħra. Itolbu lil Alla ta’ spiss biex jurikom it-triq. Itolbu wkoll bl-interċessjoni ta’ Mons. Ġużeppi Depiro, il-fundatur ta’ din is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, li tant ta kontribut sabiħ lis-soċjetà Maltija imma li mexa wkoll ma’ dak li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba lill-ħolqien kollu.” Itolbu biex is-snin ta’ edukazzjoni fil-kulleġġ ikunu snin li jgħinukom tikbru f’żgħażagħ b’qalb mimlija gratitudni, fiduċja u determinazzjoni.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     

  •