Tliet modi kif issir taf ‘l Alla – id-dinja, il-bniedem u l-fidi – kienu t-tema li l-Papa Benedittu XVI għażel għall-katekeżi tal-udjenza ġenerali ta’ din il-ġimgħa, li saret fil-Vatikan l-Erbgħa filgħodu.
Il-Papa beda biex spjega li l-“inizjattiva t’Alla dejjem tiġi qabel kwalunkwe inizjattiva li jieħu l-bnieem, u anki fi triqitna lejh, huwa Hu li jilluminana u jiggwidana, waqt li dejjem jirrispetta l-liberta tagħna. Alla ma jieqaf qatt ifittixna, Hu fidil lejna. Ħalaqna u fdiena u jibqa’ qribna għax iħobbna. Din hi ċ-ċertezza li għandha ssostnina kuljum”.
“Nafu li llum il-fidi mhix nieqsa mill-isfidi u d-diffikultajiet, ħafna drabi hi mifhuma ħażin u saħansitra kontestata u rifjutata. F’din id-dinja li fiha qed ngħixu, is-sitwazzjoni nbidlet u dawk li jemmnu qed ifittxu iżjed raġuni għall-fidi tagħhom. Żminijietna qed iġibu magħhom fenomenu li qed iżid il-periklu għall-fidi”.
Iffaċjata minn tali sfidi, il-Knisja “fidila lejn il-mandat ta’ Kristu, ma tieqaf qatt tafferma l-verita dwar il-bniedem u d-destin tiegħu”. Il-Papa kompla jistaqsi x’risposti se tagħti l-fidi għall-ateiżmu, għax-xettiċiżmu u għall-indifferenzi lejn id-dimensjoni vertikali, sabiex il-bniedem ikun jista’ jkompli jistaqsi dwar l-eżistenza t’Alla.
Illum, żied il-Kap tal-Kattoliċi, “ħafna għandhom kunċett limitat tal-fidi nisranija, għax jarawha bħala sistema ta’ twemmin u valuri u mhux verita ta’ Alla rivelata tul storja sħiħa biex isservi ta’ komunikazzjoni mal-bniedem. Fir-realta, fil-bażi ta’ kull duttrina u valuri hemm ir-rabta bejn il-bniedem u Alla ta’ Ġesu Kristu. Il-Kristjaneżmu, iktar minn kodiċi morali jew etiku, hu qabel kollox esperjenza ta’ mħabba fil-laqgħa ma’ Kristu”.