-
-
L-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jistitwixxi tliet seminaristi fil-ministeru tal-akkolitat, waqt ċelebrazzjoni li ser issir nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru 2015, fil-Knisja Arċipretali ta’ San Filep t’Aġġira, Ħaż-Żebbuġ. Il-Quddiesa tibda fis-6:30 p.m.
It-tliet seminaristi huma Sinclair Bugeja mill‑Parroċċa tal-Familja Mqaddsa, L-Iklin, Ryan Lee Pace mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, Il-Gżira, u Mark Spiteri mill‑Parroċċa ta’ San Filep t’Aġġira, Ħaż-Żebbuġ.
L-għoti tal-ministeru tal-akkolitat jimmarka pass ieħor importanti fil-mixja ta’ dawn iż-żgħażagħ lejn is-saċerdozju. Bħala akkoliti huma se jingħatalhom l-uffiċċju li jgħinu lis-saċerdot u lid-djakni fil-qadi tal-ministeru tagħhom waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, iqarbnu lil ħuthom Insara, fosthom ukoll lill-morda, jitħeġġu fl-imħabba personali tagħhom lejn l-Ewkaristija, u fuq kollox jgħixu b’mod li jkun jixirqilhom iservu fil-mejda tal-Mulej u tal-Knisja.
Il-komunità tas-Seminarju tħeġġeġ lil kulħadd biex jitlob b’mod speċjali għal dawn is-seminaristi u għal żgħażagħ oħrajn li huma msejħa biex jimxu wara Ġesù fil-ħajja saċerdotali jew reliġjuża.