Tmien persuni adulti rċivew is‑sagrament tal‑griżma tal‑isqof nhar il-Ħadd li għadda, 19 ta’ Mejju, fil‑festa tal‑Għid il‑Ħamsin (Pentekoste) mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi waqt quddiesa fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Marija Lunzjata f’Ħal Balzan. Dawn il‑persuni huma minn pajjiżi differenti, fosthom Malta, Brażil, Franza, il‑Kolombja u l‑Ġermanja.
It‑tmien kandidati ilhom għal dawn l‑aħħar xhur jitħejjew minn katekisti li jagħmlu parti mill‑Ministeru għall‑Bidu tal‑Ħajja Nisranija tal‑Adulti fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Il‑katekisti ggwidawhom sabiex jiskopru l‑identità tagħhom bħala wlied Alla, għallmuhom jisimgħu l‑Kelma ta’ Alla, u rawmuhom fl‑imħabba lejn il‑proxxmu.
Filwaqt li fil‑magħmudija huma l‑ġenituri u l‑parrini li jiddeċiedu li t‑tarbija għandha ssir parti mill‑komunità Nisranija, fis‑sagrament tal‑griżma tal‑isqof —b’mod konxju u matur— il‑persuna nnifisha tieħu dan l‑impenn bil‑qawwa mġedda tal‑Ispirtu s‑Santu wara li tkun diġà rċevietha fil‑magħmudija.
Fl‑istess quddiesa, ħadu sehem ukoll uħud mill‑adulti li tgħammdu mill‑Arċisqof Charles Scicluna f’Sibt il‑Għid. Fil‑festa tal‑Għid il‑Ħamsin l‑imgħammdin ġodda jtemmu perjodu ta’ 50 ġurnata wara l‑magħmudija tagħhom, li matulu jkomplu jirċievu katekeżi u formazzjoni liturġika dwar il‑ħajja Nisranija, speċjalment dwar is‑sagramenti.