L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tniehed tnehida fih innifsu” (Mk 8:12). Din hija r-reazzjoni ta’ Ġesù, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Mark, meta jiġu l-Fariżej u jitolbuh sinjal mis-sema. Hawnhekk, fl-Evanġelju, jgħid li Ġesù l-ewwel reazzjoni kienet li tniehed tnehida fih innifsu – tnehida ta’ frustrazzjoni u fl-istess waqt ukoll ta’ tbatija minħabba li dawn in-nies daqshekk rashom iebsa u qalbhom magħluqa. Imbagħad qalilhom: “Ebda sinjal ma jingħatalu dan in-nisel” (Mk 8:12).

Din il-ġrajja tal-lum tiġi eżatt wara, fl-Evanġelju skont San Mark, il-ġrajja meta Ġesù tema’ erbat elef ruħ b’seba’ ħobżiet. Dak inhar ħafna baqgħu jiftakruha, għax kienet okkażjoni mill-iktar speċjali, sinjal kbir għal dawn in-nies. Għalhekk mal-ewwel naraw il-kuntrast kif Ġesù għamel dan is-sinjal hekk importanti, u hawn eżatt wara, jiġu jitolbuh “sinjal mis-sema” (Mk 8:11). Għalhekk Ġesù jgħid li ma jingħatalux sinjal dan in-nisel, għax kontinwament kien qed jagħti sinjali Ġesù. Mhux darba u daqshekk. Kulfejn mar Ġesù kien qed jagħmel sinjali, li aħna kultant insejħulhom ukoll mirakli, li juru ħafna aktar min hu tassew Ġesù.

Imma l-Fariżej ma ridux jaċċettaw dan. Ħaġa li tolqotna fihom hija li dawn mhux veru kienu qed ifittxu li jemmnu. Għaliex kellhom kieku biex jemmnu, imma kellhom qalbhom magħluqa u moħhom ukoll magħluq għal dak kollu li jgħid Ġesù, għal dak kollu li jagħmel, għas-sinjali kollha tiegħu. Meta hawn jitolbuh sinjal, qed jgħidu li huma jridu jikkontrollaw lil Ġesù biex jagħmel kif jgħidulu huma, u jimxi ma’ li jridu huma – u Ġesù dan qatt ma kien se jaċċettah, speċjalment ma’ nies li kienu daqshekk ma jimpurtahomx. Irrifjutawh lil Ġesù, u għalqu moħhom u qalbhom għalih, jagħmel x’jagħmel għalihom għalxejn.

Dan huwa messaġġ importanti għalina, għall-ħajja tagħna. Jurina li aħna għandna s-sinjali li jagħtina l-Mulej, ħafna drabi madwarna fil-ħajja tagħna, u li huma s-sinjali tal-preżenza tiegħu. Minna jitlob il-fidi – il-fidi fil-preżenza tal-Mulej u s-sinjali tiegħu. Aħna mdawrin b’sinjali sbieħ tal-preżenza ta’ Alla. Jekk nieħdu dawk li jgħixu l-imħabba, il-paċi – dawn huma sinjali tal-preżenza ta’Alla. L-ikbar sinjal li tana, li aħna rridu niftakruh, hu ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. L-Ewkaristija hija s-sinjal tal-preżenza tiegħu, l-għotja tiegħu għalina. L-Ewkaristija hija l-iktar importanti għall-ħajja tagħna, għax hija l-preżenza reali tiegħu, sinjal ta’ min hu.

Jista’ jiġrilna li aħna, minkejja dan kollu, infittxu sinjali oħra, speċjalment dawk is-sinjali li joħoloqu stagħġib – bħalma dawn riedu xi ħaġa hekk, li kulħadd iħares lejhom u jistagħġeb. Kultant tiġri din, li tgħid: jekk immorru fuq din l-għolja, se jiġru affarijiet straordinarji, jekk immorru f’dak il-post, se jkollna affarijiet ta’ stagħġib. U nfittxuhom. Ġesù qed ifakkarna: il-fidi tagħna ma tinbeniex fuq dawn l-affarijiet straordinarji li joħolqu stagħġib. Jekk naħsbu hekk, inkunu żbaljati. Il-fidi tinbena fuq il-Mulej, il-fiduċja fil-kelma tiegħu u fl-imħabba sħiħa tiegħu. Ma għandniex infittxu jew niġru wara affarijiet straordinarji qisu biex ikollna evidenza ta’ dak li nemmnu. Il-fidi hija t-tweġiba tagħna għall-preżenza tal-Mulej u għal dak li jagħmel f’ħajjitna u madwarna, u li għamel fl-Istorja tas-Salvazzjoni għalina; imbagħad, il-Mulej jurina dak li hu importanti, dak li hu essenzjali fil-ħajja, u li għandna norbtu qalbna miegħu tassew. Imma ma għandniex infittxu aħna bħal dawn in-nies li kontinwament nitolbu sinjali straordinajri li joħolqu stagħġib. Ma għandniex niġru wara dawn, imma għandna nintrabtu ma’ dak li l-Mulej stess jagħtina fil-ħajja tagħna.

Tolqtok ħafna fl-aħħar ta’ dan l-Evanġelju kif wara li Ġesù weġibhom, “telaqhom, reġa’ tela’ fuq id-dgħajsa u mar ix-xatt l-ieħor” (Mk 8:13) Għax Ġesù qatt ma kien jimponi l-kelma tiegħu. Meta jara dawn in-nies li ma ridux jaċċettawh, jirrifjutawh, li magħhom għalxejn tgħallem kemm tgħallem u turi kemm turi sinjali – imur in-naħa l-oħra, fejn ikompli hemmhekk il-missjoni tiegħu ta’ tagħlim, ta’ fejqan, ta’ missjoni kollha mħabba lejn in-nies.

Alla ma jimponix fuqna. F’idejna li nagħtu t-tweġiba tagħna, imma joffrilna dejjem l-imħabba tiegħu u s-salvazzjoni tiegħu. Minna jiddependi jekk naċċettawhx jew le, bħalma għamel Ġesù hawn li meta ra li n-nies ma aċċettawhx, telaq lejn ix-xatt l-ieħor.

Nitolbu lill-Mulej li qalbna tkun dejjem miftuħa għalih, u moħħna wkoll għall-kelma tiegħu, li nagħrfu s-sinjali tal-preżenza tiegħu, speċjalment l-Ewkaristija, u aħna nissaħħu, bil-qawwa tiegħu, fil-fidi fih li tmexxina tul ħajjitna kollha.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju