Waqt laqgħa Ġenerali tal-MUSEUM, tnieda l-ktieb Gilbert Simiana: Fuq il-Passi ta’ Ġesù, bijografija rriċerkata u miktuba minn Stephen Zammit, membru tas-Soċjetà.

Gilbert miet xahrejn qabel għalaq 16-il sena, u ħafna huma dawk li jixhdu għall-qdusija tiegħu, speċjalment fil-mard.

Għal din l-okkażjoni kienu mistiedna wkoll l-aspiranti u l-magħżulin tal-oqsma Maltin. Kienu preżenti wkoll il-mamà ta’ Gilbert, ħutu Loraine u Keith, flimkien ma’ qraba u ħbieb oħra.

Gilbert (1982-1998) kien żagħżugħ mimli enerġija, sportiv, student fil-Kulleġġ San Alwiġi u jattendi l-Museum tar-Rabat, Malta. Ta’ età żgħira, però, bata ħafna minħabba l-marda tal-kanċer. Minkejja din it-tbatija, huwa baqa’ jikber fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba lejn Ġesù, li hu kien isejjaħlu l-akbar ħabib tiegħu.

Waqt il-laqgħa, oħt Gilbert qasmet it-testimonjanza tagħha dwar ħuha, għadda messaġġ l-awtur tal-ktieb u tliet aspiranti qraw bijografija qasira ta’ Gilbert u siltiet mill-ktieb.

Fil-messaġġ tiegħu fi tmiem il-laqgħa, is-Superjur Ġenerali stieden lil dawk preżenti sabiex fuq l-eżempju ta’ Gilbert jibqgħu jimxu fuq il-passi ta’ Ġesù.

Ritratti: SDCMUSUEM