L-aħbar li l-Papa Franġisku se jżur Malta f’Mejju li ġej intlaqgħet b’ferħ kbir. It-tħabbira ngħatat fl-10 ta’ Frar, waqt il-pontifikal fis-solennità ta’ San Pawl Nawfragu – festa għażiża għalina l-Maltin peress li n-nawfraġju ta’ San Pawl jitqies bħala t-twelid tal-fidi Nisranija f’Malta.

F’Jannar li għadda, il-Papa kemm-il darba rrifletta fuq is-silta mill-Atti tal-Appostli li tirrakonta n-nawfraġju ta’ San Pawl, u tkellem b’mod partikolari dwar il-qalb ħanina tal-Maltin li laqgħet lil Pawlu u l-275 nawfragi l-oħra. Il-Papa ddeskriva l-Maltin bħala nies “twajba, ġentili u akkoljenti diġà sa minn dak iż-żmien”. Sejħilna “poplu hekk qalbu tajba”.

Bi tħejjija għall-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku, aħna mistidnin inħejju ruħna mhux biss bit-talb, imma wkoll billi nersqu lejn xulxin u ninsew it-tbatijiet li għamilna lil xulxin. Nitolbu wkoll maħfra ’l Alla u lil xulxin, u nagħmlu ħilitna biex inkunu dik is-soċjetà li anke llum tkompli ġġib ruħha “bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2) u li tilqa’ lill-proxxmu, sew jekk Malti u sew jekk barrani, bl-istess mod li n-nies ta’ dak iż-żmien laqgħu lil San Pawl meta ġie fostna.

Agħfas hawn biex tara l-messaġġ tal-Arċisqof dwar il-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku f’Malta żur papafrangisku.mt